Fil-5 ta’ Diċembru, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora uffiċjalment beda l-istaġun festiv tiegħu biċ-Ċerimonja annwali tiegħu tax-Xgħil tas-Siġra tal-Milied. Matul l-avveniment, il-mistednin ingħataw ukoll ħarsa bikrija tal-programm il-ġdid tal-Milied ta’ Esplora, il-Fabbrika STEAM ta’ Santa, li se jsir mill-21 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar.
Tnieda wkoll il-video uffiċjali ta’ din is-sena. Il-produzzjoni ta’ din is-sena hija ibrida bejn animazzjoni u filmat tad-dinja reali, maħluqa f’kollaborazzjoni ma’ artisti lokali. Ir-riżultat huwa narrattiva sabiħa li tgħaqqad il-kreattività mal-innovazzjoni, tiġbor il-maġija vera tal-Milied u turi l-impenn ta’ Esplora li tgħaqqad ix-xjenza, it-teknoloġija u l-arti.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, u s-Senior Director ta’ Esplora Mary Ann Cauchi, kif ukoll impjegati minn Esplora u Xjenza Malta, li ngħaqdu biex jiċċelebraw it-tnedija.
Din is-sena, Esplora se jinbidel f’SANTA’s STEAM Factory, fejn il-maġija tal-Milied tiltaqa’ mal-kreattività ta’ STEAM—ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Il-programm festiv ta’ Esplora se jara l-elfi tiegħu jħalltu l-kreattività artistika mal-kurżità xjentifika biex joħolqu dinja affaxxinanti ta’ skoperta. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu minn workshops prattiċi, wirjiet tax-xjenza attraenti, u films immersivi tal-Planetarium, ilkoll iddisinjati biex jittrasformaw il-kreattività u l-kurżità fil-maġija vera tal-Milied.
Bil-għan li tispira viżitaturi ta’ kull età, din l-esperjenza unika tistieden lill-familji jesploraw, joħolqu u jiċċelebraw l-ispirtu tal-Milied permezz tal-meravilja ta’ STEAM fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti faħħar l-isforzi ta’ Esplora fit-trawwim ta’ passjoni għax-xjenza fost iż-żgħażagħ. “Esplora għad għandu rwol kruċjali fit-trawwim ta’ mħabba għax-xjenza fost iż-żgħażagħ. Avvenimenti bħal dawk tal-lum jenfasizzaw l-impenn taċ-ċentru għall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-involviment tal-komunità.”
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina wkoll qasam il-kummenti tiegħu f’din l-okkażjoni. “Huwa dejjem ta’ pjaċir għalina, bħala l-komunità tal-Kalkara, li naraw u ngawdu l-innovazzjonijiet li jintroduċi t-tim ta’ Esplora.” Huwa żied jgħid li “dawn l-isforzi jiżguraw li dan iċ-ċentru interattiv tax-xjenza–tant popolari fir-raħal tagħna–ikompli jattira lill-Maltin, lill-Għawdxin u lit-turisti matul is-sena, inkluż matul l-istaġun tal-Milied.”
Matul iċ-ċerimonja, is-Senior Director Mary Ann Cauchi enfasizzat l-importanza ta’ edukazzjoni xjentifika aċċessibbli. “L-istaġun tal-Milied jippreżenta opportunità unika biex nispiraw il-kurżità u t-tagħlim b’mod divertenti u memorabbli. Permezz ta’ inizjattivi bħall-SANTA’s STEAM Factory, għandna l-għan li nqanqlu l-immaġinazzjoni filwaqt li nlaqqgħu l-familji flimkien.”
Iċ-ċerimonja ntemmet bl-illuminazzjoni qawwija tas-siġra tal-Milied ta’ Esplora, li timmarka l-bidu uffiċjali tal-istaġun tal-festi taċ-Ċentru tax-Xjenza. SANTA’s STEAM Factory tifforma parti mill-missjoni ta’ Esplora li tippromwovi l-kurżità, il-kreattività, u t-tagħlim prattiku matul il-vaganzi.