Esplora tniedi l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali għax-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (National STEM Awards)
Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza se jkun qed jospita l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali STEM din is-sena.
L-aqwa professjonisti f’Malta se jiġu ppremjati, rikonoxxuti u onorati għall-kontribut li taw fil-qasam tagħhom tax-Xjenza, it-Teknoloġija, I-Inġinerija u l-Matematika (STEM) u b’hekk lis-soċjetà b’mod ġenerali. Dawn il-premji huma frott l-inizjattiva tal-iSTEM Engagement Working Group immexxi minn Esplora.
Il-Kategorijii tal-Premji Nazzjonali STEM għandhom l-għan li jonoraw u jirrikonoxxu lil dawk il-persuni u entitatjiet li bis-saħħa tal-espressjoni personali tagħhom, qajmu aktar għarfien dwar il-pilastri STEM kemm lokalment kif ukoll f’ċerti każijiet barra minn xtutna.
Għall-fini ta’ dawn il-premji, is-suġġetti STEM ikopru x-xjenzi tal-ħajja, ix-xjenzi fiżiċi, il-matematika, l-IT, l-inginerija u x-xjenza ambjentali.
Il-Premji Nazzjonali STEM se jingħataw għall-kategoriji li jmiss:
Best Primary Class Teacher for Inspiring Children in STEM, Best Secondary School Teacher for Contribution to STEM, Lifetime Contribution to STEM, Young Researcher, Engaged Researcher, Women in STEM, STEM Ambassador, Best STEM Employer, Best STEM Community Project u Best STEAM Project (People’s Choice).
Dawk li huma interessati li jinnominaw lilhom innifishom jew lil xi ħadd tal-għażla tagħhom, għandhom jagħmlu dan sal-15 ta’ Frar 2021 permezz tal-formola online, billi jsegwu l-ħolqa https://esplora.org.mt/national-stem-awards-guidelines-for-nominators-and-nominees/
li tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali għan-Nominazzjoni u l-Kriterji ta’ Eligibbiltà u Evalwazzjoni.
Il-kandidati se jiġu evalwati u kklassifikati minn Bord stabbilit tal-Evalwazzjoni f’Marzu 2021. Il-persuni jew entitajiet/proġetti nominati li jiġu fl-ewwel post jirċievu trofew oriġinali. Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, se jkun qed jospita ċ-Ċerimonja għall-Għoti tal-Premji Nazzjonali STEM fl-9 ta’ Ġunju 2021.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, stqarr li: “Huwa evidenti li hemm nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti industriji, partikolarment fil-qasam ta’ STEM. Permezz ta’ dawn il-miżuri bħal Premji Nazzjonali STEM, il-Working Group qed jilgħab rwol importanti sabiex iqanqal l-interess tal-pubbliku fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, u b’hekk jgħin li jindirizza dan il-fenomenu.” Żied jgħid li dawn il-premijiet se jkunu qed jiġu mogħtija kull sentejn u ċ-ċerimonja qed isservi tajjeb ħafna bħala pjattaforma li tirrikonoxxi u tonora l-ħidma impekkabbli u bla heda tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam ta’ STEM – li jvarjaw mill-edukazzjoni, l-ekonomija u s-soċjetà.
Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-iStrateġija wara COVID-19, l-Onor. Owen Bonnici tenna: “Huwa fid-dmir tagħna li nirrikonoxxu u nonoraw lill-professjonisti tagħna għall-kontribut li taw fil-qasam tagħhom tax-Xjenza, it-Teknoloġija, I-Inġinerija u l-Matematika u b’hekk, taw kontribut lis-soċjetà b’mod ġenerali. Dan hu l-iskop ta’ dawn il-premji nazzjonali biex permezz t’hekk, inkomplu nqajmu aktar għarfien dwar dawn is-suġġetti kemm lokalment u anke barra minn xtutna.”
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jikteb lit-Tim tal-iSTEM Engagement l-Esplora fuq
stemengagement.esplora@esplora.org.mt
Barra minn hekk, Esplora qed jesibixxi wirja ta’ posters dwar professjonisti fil-qasam STEM. Din il-wirja se tkun miftuħa ghal pubbliku minn Jannar sa Marzu. Apparti din il-wirja, qed jiġu prodotti wkoll serje ta’ 4 videos u ktejjeb diġitali li jiffukaw fuq professjonisti STEM. Il-ktejjeb jista’ jitniżżel b’xejn minn: http://esplora.org.mt/wp-content/uploads/2021/01/STEM-Booklet-1.pdf