Inawgurat servizz ġdid għal aċċess bil-baħar bejn il-Port il-Kbir u l-Esplora

Investiment ta’ €2.5 miljun għar-restawr tax-xatt tal-Esplora fil-Kalkara

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura servizz ġdid ta’ trasport bil-baħar mill-Port il-Kbir għall-Esplora bħala parti minn proġett sħiħ ta’ restawr tax-xatt fil-Kalkara qrib iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenzi, li sar b’investiment ta’ €2.5 miljun minn fondi nazzjonali.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-proġett bħala wieħed li jinseġ flimkien l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-ambjent.

“Għal darb’oħra qed naraw art li kienet mitluqa u perikoluża tinbidel f’post fejn jistgħu jiġu jgawdu l-familji tagħna. Dan hu proġett li qiegħed imiss ukoll mal-viżjoni tagħna għas-settur ambjentali, għaliex bil-funzjoni tiegħu se jkun qiegħed jingħaqad ukoll mal-isforzi tagħna bħala gvern, kif rifless fl-Istrateġija u Pjan Nazzjonali tat-Trasport, biex innaqqsu t-tniġġis filwaqt li nkomplu nsaħħu s-settur marittimu. Għalhekk, dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tagħna għal pajjiżna. Malta innovattiva b’infrastruttura li tixirqilha u li tħaddem proġetti li jirrispettaw il-wirt storiku u l-ambjent”, qal il-Prim Ministru.

Dr Abela tkellem ukoll dwar kif dan il-proġett huwa biss parti minn sensiela oħra ta’ proġetti li qiegħed isir ix-xogħol fuqhom fil-Kottonera u l-inħawi tal-madwar.

“Dan hu proġett f’kullana li qed inwettqu biex inkomplu nagħmlu mill-Kottonera ġojjell isbaħ milli hu. Fuq kollox hekk jixirqilhom in-nies li jgħixu f’dawn l-ibliet sbieħ li jagħmlu minn din in-naħa tal-Port post mill-isbaħ.”

Għall-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jara din iż-żona ikonika restawrata u mgħoddija lura lill-pubbliku b’mod li jirrispetta bis-sħiħ l-awtentiċità u l-valur storiku uniku ta’ dan il-lokal.

Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizzjattiva tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u spjega kif b’din il-ħidma l-kunsill mar lil hinn mix-xogħol ewlieni tiegħu u daħal għall-isfida ta’ dan il-proġett għall-benefiċċju tal-komunità kollha.

“Issa se nkunu nistgħu ngawdu ż-żona pedonali li għadha kif ġiet restawrata u x-xenarju sabiħ li juri waħda mill-isbaħ veduti tal-gżira”, kompla l-ministru.

Huwa spjega li l-Proġett ta’ Rijabilitazzjoni tax-Xatt tal-Esplora issa jipprovdi aċċess sikur għall-pubbliku tul ix-xatt tal-Kalkara sal-Cot Lift.

Filwaqt li enfasizza l-importanza li aktar nies jiġu esposti għax-xjenzi, il-Ministru Bonnici qal li l-Esplora diġà tilqa’ madwar 100,000 viżitatur fis-sena, u grazzi għal dan il-proġett u l-esperjenza li se jġib miegħu għal kull min iżur l-Esplora, dak in-numru mistenni jiżdied.

Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MCST, Jeffrey Pullicino Orlando ddeskriva r-rijabilitazzjoni tax-xatt biswit l-Esplora bħala, “l-aħħar kisba milħuqa mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fl-isforzi kontinwi tiegħu biex jikkonverti l-Peniżola ta’ Bighi f’Ċentru Xjentifiku Nazzjonali.”

Huwa kompla billi qal li matul is-snin li għaddew, l-isforzi tal-kunsill iffukaw fuq ir-restawr u r-rijabilitazzjoni ta’ Villa Bighi u t-twaqqif tal-Esplora.

“Esplora ġie iddikjarat bħala flagship project għal Malta mill-Kummissjoni Ewropea u huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa Ċentri Interattivi tax-Xjenza fl-Ewropa. Issa bdew ix-xogħlijiet preparatorji tar-rijabilitazzjoni tal-kumplament tal-kosta madwar il-peniżola u l-ħolqien ta’ passaġġ li se jgħaqqad il-Kalkara mal-Bajja tar-Rinella. Il-proġett ewlieni tagħna li jmiss huwa t-twaqqif ta’ esperjenza tal-ogħla livell iffukata fuq l-istorja naturali – EsploraNatura – fuq in-naħa tal-lvant ta’ Bighi li se jwassal għall-ħolqien ta’ kumpless uniku fil-Mediterran”, qal is-Sur Pullicino Orlando.

Il-medda ta’ art bejn l-Esplora u l-Wied tal-Kalkara kienet fi stat mitluq u perikoluż, art reklamata mimlija biċċiet tal-ġebel mitluq sa mill-aħħar tas-snin erbgħin u s-snin ħamsin. Dan ifisser li l-baħar kien qed ikisser u jwaqqa’ minn dan il-blat taż-żona b’mod kostanti.

Il-Bighi Cot Lift li għandu valur storiku kbir ġie restawrat ukoll. Storikament, il-Cot Lift kien jintuża biex itella’ pazjenti feruti jew morda fuq stretchers, direttament mil-livell tal-baħar għal ġo dak li kien, l-Isptar Navali ta’ Bighi. Il-lift ġie sostitwit b’wieħed modern li jikkonforma mal-istandards tal-lum, filwaqt li t-torri ta’ madwaru sarlu restawr estensiv. Il-viżitaturi li jaslu fuq il-moll il-ġdid tal-Esplora, issa se jkunu jistgħu jidħlu fl-Esplora direttament permezz ta’ dan il-lift ikoniku.

 

 

 

 

 

 

 

Featured Video

Esplora STEAM Video

View more

Projects

#ErasmusDays2023

View more