Fl-Esplora, nħeġġu u nappoġġjaw proġetti li jinkoraġġixxu inizjattivi li huma favur ambjent aħjar. Nimmiraw kontinwament biex niġġeneraw għarfien dwar is-sostenibbiltà u l-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa l-wirja Art in Waste tal-artisti, Hermine Sammut u Matthew Turner, li se tkun esebita fl-Esplora. Dawn iż-żewġ artisti ħolqu xogħlijiet tal-arti minn skart miġbur madwar il-pajjiż, wara li naddfu bajjiet u għelieqi. Uħud mix-xogħlijiet tal-arti tagħhom kif ukoll ritratti varji tal-proġetti, se jkunu esebiti fl-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza sal-1 ta’ Awwissu.
Hemm ħafna affarijiet x’wieħed jista’ jagħmel biex jarmi l-iskart mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent. Waħda mis-soluzzjonijiet ewlenin hija r-riċiklaġġ. Għal din ir-raġuni, iż-żewġ artisti ħarġu b’idea sabiex jagħtu użu, skop u post ġdid lill-skart, filwaqt li ħolqu kuxjenza dwar l-importanza tar-riċiklaġġ. Tista’ tara l-esebizzjoni Art in Waste meta żżur iċ-Ċentru tax-Xjenza bejn is-26 ta’ Ġunju u l-1 t’Awwissu 2021. Din il-wirja hija ideali għall-etajiet kollha.
Neville the Shark: A Children’s Book
Dwar dan l-istess suġġett, l-artisti ħolqu wkoll ktieb bl-isem ta’ Neville the Shark, bl-għan li jedukaw il-ġenerazzjoni futura dwar l-effett li l-iskart iħalli fuq l-oċeani u jagħti pariri ta’ kif nistgħu nagħmlu biex nipproteġu l-ibħra tagħna. Bl-illustrazzjonijiet ta’ dan il-ktieb, huma jagħtu eżempji ta’ kif nistgħu nerġgħu nużaw l-iskart u nagħtuh skop ġdid.
L-istampi kollha ta’ dan il-ktieb huma maħluqa mix-xogħlijiet tal-arti tagħhom. Dan il-ktieb ġie ppubblikat mill-artisti stess u għalih intużaw boroż tal-plastik użati. Dan ikun ifisser li l-ktieb huwa kompletament sostenibbli u favur l-ambjent. Il-ktieb, li ġie mniedi mal-istess wirja, ġie tradott f’diversi lingwi. Għal aktar informazzjoni dwar dan il-ktieb żur hawnhekk.
Sound Cloud
L-artisti ħolqu wkoll xi strumenti mill-iskart u waqt il-Konferenza Stampa ta’ tnedija tal-proġett li saret fl-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, inħolqot Sound Cloud.