Esplora, iċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva ta’ Malta; huwa faċilità edukattiva u ta’ rikreazzjoni informali adattata għall-viżitaturi tal-gruppi ta’ età kollha.
Esplora tinsab f’Villa Bighi fil-Kalkara li tħares fuq il-Port il-Kbir. Il-bini qabel kien jintuża bħala sptar mill-Forzi Navali Rjali. Huwa jikkonsisti minn numru ta’ binjiet u spazji fuq barra li lkoll ġew interkonnessi wara proċess estensiv ta’ restorazzjoni u ta’ żvilupp li issa tlesta.
L-għan primarju huwa li l-Viżitaturi jesperjenzaw ix-xjenza bħala xi ħaġa ta’ divertiment, eċċitanti u li tagħti gost. Il-viżitaturi jistgħu jinvolvu ruħhom max-xjenza permezz ta’ interazzjoni prattika, fost attivitajiet oħra. Ix-xjenza tiġi ppreżentata bħala xi ħaġa li faċli tifhimha u ta’ divertiment permezz ta’ firxa ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, prestazzjonijiet, programmi tax-xjenza u dibattiti.
Bis-saħħa tat-tfassil bir-reqqa tal-ispazji, il-viżitaturi jistgħu jaraw ir-rilevanza u l-preżenza tax-xjenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Esplora toffri lill-viżitaturi opportunità biex jiskopru u jifhmu x-xjenza fir-ritmu tagħhom stess permezz ta’ sensiela ta’ esperjenzi prattiċi u wirjiet relatati ma’ fenomeni. B’dan il-mod, l-importanza tal-proċessi xjentifiċi tiġi kkomunikata permezz ta’ mistoqsijiet, tbassir, sperimentazzjoni, analiżi u ħruġ ta’ konklużjonijiet.
L-attrazzjonijiet ġewwa Esplora jinkludu Planetarju, Esperjenza ta’ Avventura fuq Barra, Ċentru tal-Attivitajiet kif ukoll swali ta’ wirjiet interattivi li jaħsbu għal kull età u interess.
Il-wirja bl-isem “Life at Bighi” tinsab fil-Cot Lift, id-daħla għal Esplora għall-viżitaturi li jaslu permezz tad-dgħajsa għall-pont tal-imbark ta’ Esplora. Din il-wirja tinkludi artefatti u memorabilja li jappartjenu għall-epoka meta Villa Bighi kienet tintuża bħala sptar.
Il-wirjiet prattiċi ġodda u l-elementi uniċi taċ-Ċentru, kif ukoll iż-żoni ta’ rikreazzjoni li jinkludu l-EsploraCafé, jagħmlu lil Esplora waħda mill-aqwa attrazzjonijiet f’Malta.
Il-proġett qed jitmexxa mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
L-Ideoloġija Ewlenija hija l-punt ta’ referenza li fuq il-bażi tiegħu jittieħdu d-deċiżjonijiet hawnhekk f’ESPLORA. Din tinkorpora l-Viżjoni, il-Missjoni u l-Valuri tagħna li jgħaqqdu flimkien ir-rwoli u d-dipartimenti kollha biex dawn jaħdmu magħqudin bħala tim wieħed kbir. Aħna naspiraw li nħejju kultura ta’ kurżità u kreattività xjentifika billi nixgħtu l-passjoni għall-interrogazzjoni, l-investigazzjoni u l-iskoperta billi nħeġġu lill-istaff u l-viżitaturi tagħna biex Jesploraw, Jaħsbu u Jimmaġinaw.
Il-Viżjoni tagħna tinvolvi l-aspirazzjonijiet fit-tul tagħna għal Esplora. L-għan ta’ Esplora huwa li l-viżitaturi jsiru konxji li x-xjenza tinsab kullimkien madwarhom u li huma diġà jużaw raġunament u ħiliet xjentifiċi fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, fosthom billi kontinwament jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza.
Il-viżjoni ta’ Esplora hija li tikkultiva kultura ta’ kurjożità u kreattività xjentifiċi.
Il-Missjoni tiddefinixxi l-metodu li bih Esplora tippjana li ssarraf l-Ideoloġija Ewlenija tagħha fil-prattika.
Il-mudell ta’ tagħlim tal-5 E, li permezz tiegħu il-viżitaturi kollha jistgħu jsawru jew jibnu ideat ġodda fuq l-ideat qodma tagħhom, jitħaddan bħala parti mill-approċċ tat-tagħlim imsejjes fuq il-mistoqsijiet (IBL) li qed jiġi adottat fil-kuntest edukattiv informali ta’ Esplora. Kull waħda mill-5 E tiddeskrivi fażi ta’ tagħlim: Engage, Explore, Explain, Elaborate u Evaluate (Involvi ruħek, Esplora, Spjega, Elabora u Evalwa). L-adozzjoni tal-approċċ IBL tippermetti lill-viżitaturi jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet komuni, jużaw u jfasslu fuq l-għarfien u l-esperjenza preċedenti, jibnu t-tifsir, u kontinwament jivvalutaw il-fehim tagħhom ta’ kunċett f’ambjent divertenti. L-attivitajiet differenti lkoll huma maħsubin biex irawmu entużjażmu għall-aktar proċessi fundamentali tax-xjenza. Żjara sa Esplora hija konkorrent bħala ta’ attività alternattiva ta’ divertiment fuq il-gżira għall-familji peress li l-attivitajiet tax-xjenza offruti jappellaw u huma rilevanti għall-viżitatur, li b’hekk isaħħu dan l-entużjażmu.
Il-Missjoni tagħna hija li nqanqlu passjoni għall-mistoqsija, għall-investigazzjoni u għall-iskoperta.
Il-Valuri Ewlenin u l-Prinċipji tagħna jiddefinixxu kif aħna se nwettqu l-Viżjoni, il-Missjoni u l-Ideoloġija Ewlenija tagħna. Dawn jidentifikaw f’dettall aktar konkret id-direzzjoni u l-approċċ li se jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet, l-iżvilupp tal-kontenut, l-iżvilupp tal-wirjiet, is-servizzi tal-viżitaturi, il-kultura organizzazzjonali tagħna u l-aspetti l-oħrajn kollha ta’ Esplora.
Il-Prinċipji tagħna huma dawn li ġejjin:
Ġew identifikati wkoll il-valuri ewlenin t’hawn taħt:
• Esplora: Bl-adozzjoni tal-approċċ tat-tagħlim imsejjes fuq il-mistoqsijiet, l-investigazzjonijiet tax-xjenza huma divertenti, rilevanti, interattivi u jinvolvu lil dak li jkun.
• Aħseb: Ix-xjenza hija proċess eċċitanti, dinamiku u kontinwu li bih jiġi skopert kif taħdem id-dinja ta’ madwarna.
• Immaġina: Ix-xjenza tista’ trawwem il-kurżità, il-kreattività u l-innovazzjoni. L-inklużjoni tal-arti fil-komunikazzjoni tax-xjenza ttejjeb l-esperjenza tagħna tax-xjenza.
• Apprezza: L-avvanzamenti impressjonanti fid-diversi oqsma tax-xjenza permezz ta’ sħubiji; l-arti tax-xjenza u x-xjenza tal-arti.
• Oħloq: It-Tħaddin tal-Kultura tal-Arti, tat-Tkewwis u ta’ Kif Toħloq.
Għaldaqstant, aħna naspiraw li nikkultivaw kultura ta’ kurjożità u ta’ kreattività xjentifiċi billi nqanqlu passjoni għall-mistoqsija, għall-investigazzjoni u għall-iskoperta billi nħeġġu lill-persunal u lill-viżitaturi tagħna jesploraw, jaħsbu, jimmaġinaw, japprezzaw u joħolqu.
Esplora hi operata mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija taħt it-tmexxija tal-Unità tal-Popolarizzazzjoni tax-Xjenza, ikkaratterizzata minn tim multidixxiplinari dinamiku li huwa xprunat minn prinċipji u objettivi komuni. L-ambjent tax-xogħol li jirriżulta jadatta ruħu għat-titjib kontinwu tal-impenn tal-Unità li tippromwovi l-Komunikazzjoni tax-Xjenza u li tixħet dawl fuq l-importanza tagħha fis-soċjetà tal-lum.
“Team Esplora” jinkorpora fih l-individwi ħabrieka u dedikati kollha li jikkontribwixxu għas-suċċess tal-ewwel u l-uniku Ċentru tax-Xjenza Interattiva ta’ Malta, Esplora.
Se nipprovdu ambjent miftuħ u ta’ appoġġ li jippermetti lit-tim u l-viżitaturi tagħna jirnexxu, speċjalment wara żjarat ripetuti. Filwaqt li napprezzaw u nirrispettaw il-kontribuzzjonijiet ta’ xulxin, aħna se nappoġġjaw l-aspirazzjonijiet ta’ xulxin u niċċelebraw id-diversità. Aħna ser nirrevedu b’mod attiv ir-reazzjonijiet mit-tim tagħna u l-viżitaturi biex inżommu kontinwament il-valuri ewlenin tagħna.