Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Institute for Education (IfE) ingħaqdu flimkien biex iniedu kors ġdid fil-livell ta’ Masters fl-iSTEM Education and Engagement, biex iwieġbu għad-domanda dejjem tikber għal nies li kapaċi jikkomunikaw u jaħdmu fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara l-Covid-19 Owen Bonnici fl-Esplora, ingħataw aktar dettalji dwar il-kors.
F’Ottubru tal-2021, il-kandidati se jibdew il-kors MSc in STEM Education and Engagement. Dan il-kors fil-livell ta’ Masters (MQF Level 7), b’90 ECTs, se jkun offrut din is-sena għall-ewwel darba f’Malta. Il-kors se jkun f’idejn l-Institute for Education u xi partijiet minnu se jsiru fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenzi, l-Esplora, fil-Kalkara. Il-kors se jdum tliet snin u se jkun fuq bażi part-time.
Permezz ta’ dan il-qbil, l-MCST u l-IfE se joħorġu xi fondi għat-tagħlim ta’ diversi membri tal-istaff tal-MCST. Dawn il-membri tal-istaff applikaw biex isegwu dan il-kors, kienu eleġibbli u se jsegwu l-proċess tal-għażla skont il-kwalifiċi mitluba mill-IfE.
Dan il-programm ta’ Masters li se joffri taħlita ta’ tagħlim online flimkien ma’ workshops fi tmiem il-ġimgħa, għandu jagħti lill-kandidati eliġibbli għodda u strateġiji għall-użu fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
Dwar il-kors, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li “hemm impenn kbir min-naħa tal-Gvern u l-Ministeru għall-Edukazzjoni biex insaħħu l-edukazzjoni STEM fuq livell nazzjonali. Aħna ninsabu kommessi li nkomplu nsaħħu s-settur edukattiv relatat ma’ STEM b’diversi mezzi, b’riforma tal-kurrikula tal-edukazzjoni STEM, b’appoġġ għall-edukaturi tal-edukazzjoni STEM u żvilupp professjonali, u wkoll permezz tal-popolarizzazzjoni tal-edukazzjoni STEM”.
Il-Ministru Caruana qalet li t-tisħiħ ta’ dan is-settur edukattiv isir ukoll b’kollaborazzjonijiet li jsiru, kif sar bejn l-Istitut għall-Edukazzjoni u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Dan huwa ftehim li minnu se joħroġ ħafna ġid għaliex qed ikompli jagħti importanza lil dan il-qasam permezz ta’ sinerġija bejn il-Ministeru u s-sħab soċjali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Owen Bonnici qal li “huwa ta’ sodisfazzjon kbir li naraw lill-akkademiċi Maltin jimxu ‘l quddiem f’dawn l-oqsma edukattivi tant importanti għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna, u propju għalhekk irridu nkomplu ninkoraġġixxu lil dawn l-akkademiċi, anke permezz ta’ investimenti bħal dan li qed nimmarkaw illum, li jġibu dejjem aktar opportunitajiet ta’ tagħlim.”
Il-Ministru kompla jispjega kemm hu importanti li l-oqsma tar-riċerka u l-edukazzjoni jimxu id f’id flimkien biex jipprovdu soluzzjonijiet ġodda li minnhom jista’ jibbenefika kulħadd.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MCST Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li “fost id-diversi kollaborazzjonijiet li saru mal-Istitut għall-Edukazzjoni, nistgħu nsemmu l-involviment kontinwu u attiv tal-IfE fin-National STEM Engagement Working Group, li huwa mmexxi minn Esplora. Illum niċċelebraw il-kisba notevoli ta’ kwalifika formali fil-livell ta’ Masters li tiffoka fuq l-edukazzjoni u metodi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-oqsma STEM.”
Id-Direttur Eżekuttiv tal-IfE, Joanne Grima, qalet li “il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet welldet dan il-Master ta’ kif twassal u tħeġġeġ l-interess fis-suġġetti msejħa tal-iSTEM li hawn tant ħtieġa għalihom. Huwa dmir tagħna li nferrxu u nqajmu l-interess f’dan il-qasam u niftakru li kulħadd jgħix ix-xjenza u juża t-teknoloġija, u allura kulħadd jista’ jimraħ fiha.”