Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici attenda l-inawgurazzjoni ta’ wirja li qed issir ġewwa l-Esplora, li għandha l-għan li teduka lill-ġenerazzjoni żagħżugħa dwar l-ambjent u l-effetti li aħna nistgħu nħallu fuqu, b’modi kreattivi u innovattivi biex iqanqlu aktar l-interess tat-tfal.
Dan l-avveniment idur mal-wirja bl-isem ta’ ‘Art in Waste’ u se jara wkoll it-tnedija tal-ktieb ‘Neville the Shark’, xogħol l-artista Hermine Sammut minn CONNECT2GOZO. Permezz tal-wirja ‘Art in Waste’, l-artista għandha l-għan li twassal il-messaġġ li għandna dejjem nippruvaw nagħmlu użu ġdid mill-oġġetti li nkunu diġà użajna, flok ma nħalluhom jintremew.
Oġġetti li jkunu se jintremew jistgħu jsiru materjal għal proġetti ġodda, u b’hekk wieħed jista’ jevita li jkollu juża aktar prodotti ġodda. Dan il-proġett qed isir biex jagħmel il-ġenerazjoni l-ġdida iktar konxja ta’ soluzzjonijiet oħra, minflok li wieħed jaqbad u jarmi dak li ma jibqax jkollu bżonnu.
Il-ktieb ‘Neville the Shark’ ġie tradott f’diversi lingwi, fosthom il-Malti. Fih stampi bħala eżempji ta’ kif wieħed jista’ jerġa’ jagħmel użu mill-affarijiet użati u jagħtihom użu ġdid, bi ftit immaġinazzjoni u kreattività.
L-istorja hi bbażata fuq il-ħsara li jagħmel l-iskart lill-oċeani u lill-ambjent. Messaġġ ieħor li jrid iwassal il-ktieb huwa li nħarsu lejn in-nies u l-kreaturi b’moħħ miftuħ, bla ebda preġudizzju, bla ma nagħtu wisq kas ir-reputazzjoni li jkollu dak li jkun.
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-inizjattiva tal-artista u rringrazzja lill-Esplora talli appoġġawha. “Il-produzzjoni tal-iskart għadha problema kbira għall-ambjent madwar id-dinja,” qal il-Ministru. “Huwa kruċjali li nilħqu lill-ġenerazzjoni l-ġdida u nedukawha dwar din il-problema. Importanti li l-ġenerazzjoni l-ġdida tkun aktar konxja tal-konsegwenzi tal-ħela u għandna ninkoraġġuhom ikunu konxji mill-ambjent kemm jista’ jkun, f’kull pass li jagħmlu.”
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li; “Din l-inizjattiva artistika qed twassal dan il-messaġġ kemm lit-tfal u kemm lill-kbar b’mod innovattiv u kreattiv, li mhux biss huwa ta’ ġid iżda wkoll ta’ interess għal kulħadd.”
Is-Sur Andreas Stadler, l-Ambaxxatur tal-Awstrija għall-Malta, qal li; “ Din il-mewġa ta’ sħana li qed nesperjenzaw kemm f’Malta kif ukoll fl-Awstrija turi li l-ġenerazzjoni ta’ Fridays for Future għandha messaġġ importanti li twassal, u li rridu nipparteċipaw fl-Azzjoni tal-Klima sabiex insalvaw il-pjaneta tagħna. Hermine Sammut hija waħda minn dawk l-artisti li qed tieħu dan il-messaġġ bis-serjetà billi tirriċikla l-iskart u toħloq arti mill-isbaħ. Qed tieħu r-responsabbiltà u jistħoqqilha s-sapport tagħna lkoll.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li; “Il-ħidma f’Esplora fil-qasam tas-STEAM, li jgħaqqad ix-xjenza mal-arti, kienet dejjem waħda proattiva, fejn iż-żewġ suġġetti jiġu ppreżentati b’mod li jikkumplimentaw lil xulxin. Kollaborazzjonijiet, bħal dik li qed inniedu llum, joffru opportunità lill-viżitaturi tagħna sabiex jagħmlu l-konnessjoni bejn ix-xjenza u l-arti – relazzjoni li hija pjuttost innovattiva għal bosta nies. L-arti tilgħab rwol importanti fis-soċjetà – fejn tinkoraġġixxi liċ-ċittadini biex jaħsbu, joħolqu, u jkunu parteċipi, bl-istess mod ta’ kif ix-xjenza tinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku u l-ħila ta’ kif wieħed isolvi l-problemi.”