Nixtiequ nirringrazzjawkom talli ingħaqadtu magħna għal Esperimenta Tikka Xjenza! Nisperaw li ħadtu gost u nisperaw li nerġaw narawkom ilkoll fil-festival tal-komunita li jmiss.
Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lil dawk li attendew u l-isteakholders esterni kollha li taw il-feedback kostruttiv tagħhom permezz ta’ stħarriġ onlajn. Ir-riżultati tad-dejta u l-konklużjonijiet meħuda minn dawn it-tweġibiet jistgħu jinstabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-festival li jista’ jiġi aċċessat hawnhekk.
Hawn taħt ser issib xi ritratti tal-avveniment.
Tim STEM Engagement
Maria Grazia, Roxanne, Irene u Steffi (iżżomm il-kamera!).
Dawn huma xi ritratti li ħadna waqt l-avveniment!
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Meta: is-Sibt 23 ta’ Lulju 2022
Fejn: Couvre Porte | Il-Birgu (Vittoriosa)
Xiex: Attività divertenti tax-xjenza fil-komunità
Bi pjaċir inħabbru li fit-23 ta’ Lulju 2022, Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza se jkun qed iwassal ix-xjenza fil-komunità… f’ambjent kemxejn differenti!
Jekk tkun miexi max-Xatt ta’ Bormla jew tal-Isla, jew inkella ġej min-naħa tal-Birgu Waterfront, segwi Triq 8 ta’ Diċembru ’l fuq lejn in-naħa tal-Birgu u l-Kalkara u hemmhekk issibna.
Mis-6 ta’ filgħaxija ’l quddiem, l-ambjent storiku tal- Couvre Porte fil-Birgu se jkun imżewwaq bil-kuluri tal-Esplora u hawnhekk se tkunu tistgħu tattendu għal mawra b’xejn ma’ dak kollu li normalment nagħmlu l-Esplora: xows tax-xjenza, logħob, tinkering, wirjiet STEAM, stejjer u ħafna aktar.
Esperimenta Tikka Xjenza huwa l-ewwel minn sensiela ta’ festivals li huma ppjanati li jittellgħu fiż-żona tat-Tlett Ibliet tal-Kottonera u l-Kalkara.
L-għan ta’ din iċ-ċelebrazzjoni huwa li nuru li x-xjenza hija madwarna u li hija divertenti u aċċessibbli għal kulħadd.
Din l-ewwel edizzjoni se tiffoka fuq it-tema tas-Sostenibbiltà Ambjentali għall-Benesseri.
Dan l-avveniment, organizzat taħt l-awspiċji tal-iSTEM Engagement Working Group ippresedut minn Esplora, se jkun addattat għal kull età u se jkun bla ħlas.
U meta tasal … x’se ssib jistennik?
… Post fejn tista’ tgawdi sessjoni ta’ tinkering kreattiv! Hawn tista’ tibni u tpinġi u toħloq robots żgħar b’materjali riċiklati!
… Żona fejn se jkollok iċ-ċans li tiltaqa’ u titkellem ma’ individwi ħelwin, u tisma’ kull tip ta’ informazzjoni meraviljuża bħal: kif tagħraf għasafar tal-baħar … kif trabbi frieħ ta’ klieb il-baħar … tiskopri għalfejn l-“alka” Posidonia hija kkunsidrata bħala abitat importanti … kif kulħadd iħalli impatt fuq l-ambjent ta’ madwarhom u kif it-teknoloġija tista’ sservi biex dan l-impatt ikun wieħed pożittiv. Hawnhekk ikollok l-opportunità li tiltaqa’ ma’ xi ħbieb tagħna minn BirdLife Malta, Sharklab, Ambjent Malta, l-inġiniera tal-Università ta’ Malta, Jaye u Atelier Manuel! Human Library se tittella’ bejn is-18.30 u s-19.30, kif ukoll bejn it-20.00 u d-21.00.
… Opportunità li tilgħab ma’ ‘torri uman’, billi tinteraġixxi ma’ kollezzjoni sabiħa ta’ logħob tal-injam ġejja minn Barċellona.
… Film qasir u animat, muri fil-Librerija Pubblika tal-Birgu, iffukat fuq il-klima u li juri kif anke persuna waħidha tista’ twassal biex id-dinja ssir aktar ekoloġika u aktar ġusta.
… Tinvolvi ruħek f’diskursata ma’ “ktieb” ħaj u taqsam l-esperjenzi tiegħek dwar kif il-bidliet fl-ambjent affettwaw ħajtek, fil-Human Library! Il-parteċipanti f’din is-sezzjoni jinkludu Earth Systems – Università ta’ Malta, Friends of the Earth, Għaqda Trobbija tan-Naħal u Għasel Malti, il-Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – Department of Fisheries and Aquaculture, ESA Earth Systems Association, Biome Munch, Żibel and Bio Aqua Garden.
Fiż-żona tal-prestazzjoni tista’ tpoġġi u tattendi bi pjaċir:
… Spettaklu tax-xjenza li jinvolvi varjetà ta’ esperimenti tipiċi ta’ Esplora.
… Prestazzjoni taż-żfin minn Moveo, fejn il-movimenti taż-żeffiena jimmiraw li jwasslu l-idea li fost affarijiet oħra kulħadd għandu s-saħħa li jagħmel differenza, żgħira kemm hi żgħira.
… Prestazzjoni teatrali immersiva minn Studio 18, li tgħaddik mis-sitwazzjoni partikulari li Jimmy u sħabu sabu ruħhom fiha.
U jekk tmur isfel, tinżel sal-Foss, hemmhekk ħa ssib attività ta’ rakkonti maġiċi li jirrigwardaw it-tema tat-tindif tal-ibħra tagħna billi tgħin fit-tneħħija tal-basktijiet tal-plastik bħal Stanley! L-istorja hija mmirata għal tfal ta’ bejn 3 u 6 snin.
B’kollox se jkun hemm 4 sessjonijiet: fis-6.00 pm (bl-Ingliż), fis-6.30 pm (bil-Malti), fis-7.00 pm (bl-Ingliż) u fit-8.30 pm (bil-Malti). Il-postijiet fit-tinda maġika tagħna se jkunu limitati u se jittieħdu fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel, jidħol l-ewwel. Nirrakkomandaw li titolbu tag għal din l-attivita mir-reception prinċipali ta’ Esperimenta Tikka Xjenza biex tirriservaw il-post tagħkom f’waħda mis-sezzjonijiet.
U xi ngħidu għal naqra busking bejn attività u oħra jew matul it-triq fejn tkunu tistgħu taraw demostrazzjonijiet żgħar tax-xjenza fil-ħajja ta’ kuljum?
Allura u jekk jogħġbok ibqa’ segwina kull tant żmien permezz ta’ din il-paġna jew fuq l-Event Page ta’ Facebook!
INFORMAZZJONI IMPORTANTI:
Id-dħul għall-Festival huwa b’xejn. Il-pre-booking għall-iSpettaklu tax-Xjenza, Prestazzjoni taż-Żfin, Prestazzjoni Teatrali Immersiva huwa magħluq. Madankollu dakinhar tal-Festival se jkun għad fadal xi postijiet disponibbli li se jingħataw fuq bażi ta’ min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel.
Nittamaw mill-qalb li narawk hemm biex nilqgħuk għal din iċ-ċelebrazzjoni tax-xjenza fil-komunità, fejn din id-darba Esplora tiġi żżurek!
U bħal dejjem, jekk ikollkom xi mistoqsijiet tiddejqu xejn tikkuntatjaw l-iSTEM Engagement Team ġewwa Esplora fuq stemengagement.esplora@esplora.org.mt.
Tim tal-Esplora STEM Engagement
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|