Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza se jkun magħluq għall-viżitaturi min-nhar is-Sibt 10 ta’ Ġunju sa nhar il-Ħadd 18 ta’ Ġunju 2023. Dan minħabba li se nkunu qegħdin nospitaw il-Konferenza Ecsite 2023.
Din il-konferenza hija l-aktar laqgħa prominenti fl-Ewropa ta’ professjonisti li huma nvoluti fil-qasam tax-xjenza. Huwa mistenni li fil-jiem li ġejjin f’Malta se jaslu aktar minn 800 professjonist mid-dinja kollha biex jieħdu sehem f’din il-konferenza. Din is-sena Ecsite se tkun ospitata minn Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza u se tittella’ f’diversi lokalitajiet fil-Belt Valletta u l-Kalkara fosthom f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Il-Konferenza Ecsite hija ċelebrazzjoni ta’ kreattività, kollaborazzjoni u opportunità sabiex wieħed jagħmel networking, jitgħallem u fl-istess waqt jieħu pjaċir. Nixtiequ nilqgħu lill-partiċipanti kollha f’Malta u nittamaw li jgawdu l-ospitalità sabiħa Maltija u s-sbuħija naturali tal-gżejjer Maltin.
Din se tkun opportunità kbira għal Malta biex twassal l-għarfien tagħha fil-komunikazzjoni tax-xjenza fuq livell internazzjonali u anke tistabbilixxi sħubiji ġodda ma’ ċentri, mużewijiet u organizzazzjonijiet oħra tax-xjenza.
Esplora se jerġa’ jkun miftuħ għall-viżitaturi min-nhar it-Tlieta, 20 ta’ Ġunju 2023.