Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora jifhem l-importanza li għandhom l-annimali tas-servizz li jgħinu lill-bnedmin filwaqt li japprezza wkoll il-benefiċċji kbar li jgawdu minn din l-għajnuna ċerti viżitaturi tal-Esplora li jkollhom bżonn assistenza speċjali minn dawn l-annimali.
Fost dawn l-annimali tas-servizz, insibu dawk iċċertifikati biex joffru gwida, servizz, terapija jew appoġġ emozzjonali lill-bnedmin bi bżonnijiet speċjali.
Sabiex ngħinu lill-viżitaturi tagħna filwaqt li nirrikonoxxu x-xogħol li qed isir mis-Service Dogs Malta Foundation u l-Guide Dogs Malta Foundation, ħloqna gwida ġdida ta’ aċċessibilità għall-viżitaturi tagħna.
Klieb gwida u klieb tas-servizz iċċertifikati.
L-Esplora għandu pjaċir jilqa’ l-klieb gwida u l-klieb tas-servizz fil-binja tiegħu dejjem jekk dawn il-klieb ikunu ċċertifikati. Sid il-kelb tas-servizz jew kelb gwida għandu dejjem jiżgura li l-kelb jinżamm fuq harness (sidrija) jew ikun liebes iċ-ċinga li tkun ġiet iċċertifikata uffiċjalment mill-Awtorita kompetenti. Jekk ma jkun hemm l-ebda dettalji ta’ kuntatt fuq il-harness tal-kelb, sidu huwa ġentilment mitlub li jġorr miegħu ċ-ċertifikat jew il-karta tal-identita tal-kelb.
L-Esplora jilqa’ wkoll klieb gwida u ta’ servizz li jkunu għadhom qegħdin jitħarrġu. Bl-istess mod, dawn il-klieb huma obbligati li jilbsu l-harness uffiċjali approvata mill-organizzazzjoni li tiċċertifika. Jekk ma jkunx hemm dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni fuq il-harness, sid il-kelb ikollu jġorr fuqu l-ID card tal-kelb jew inkella ittra uffiċjali li tkun inħarġet mingħand il- persuna li jkun qed iħarreġ ill-kelb.
Annimali terapewtiċi u dawk li joffru appoġġ emozzjonali.
L-Esplora għandu wkoll pjaċir jilqa’ annimali ta’ terapija kif ukoll dawk li jipprovdu appoġġ emozzjonali. Biex tidħol fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, jekk jogħġbok ġib miegħek l-ittra uffiċjali maħruġa minn psikologu / psikjatra/ terapista jew social worker fejn tispjega li l-annimal huwa parti minn programm terapewtiku u li qed isostni l-bżonnijiet tal-individwu. L-ittra għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni li tiddentifika l-annimal u d-dettalji fejn wieħed jista’ jikkuntattja l-professjonist li jkun ħareġ din l-ittra.
Regoli u etikett matul iż-żjara tiegħek.
Waqt iż-żjara tiegħek l-Esplora, inti mitlub toqgħod attent u ma tħallix lill-viżitaturi, l-oħra jinteraġixxu mal-annimal tal-assistenza tiegħek, peress li dawn jistgħu jtellfuh milli jaqdi dmirijietu sew u kif suppost.
Waqt li l-annimal tal-assistenza jkun għaddej bil-ħidma tiegħu, t-tim speċjalizzat tal-Esplora se jieħu ħsieb jinforma lill- viżitaturi l-oħra dwar l-etikett korrett u l-imġieba aċċettabli fil-preżenza tal-annimali tal-assistenza. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-klieb gwida u tas-servizz li jkunu qed jaħdmu b’mod attiv.
L-annimali ta’ assistenza għandhom jinżammu b’harness jew ċinga xierqa li tippermetti li l-annimal ikun jista’ jqum bilwieqfa u jdur. Jekk l-annimal ikun qed jinġarr f’carrier, dan għandu jkollu 1) minn tal-inqas żewġt iġnub sħaħ għall- ventilazzjoni biex tkun tista’ tgħaddi l-arja u; 2) qiegħ li ma jippenetrax likwidu minnu, jew inforra magħmula minn materjal li jassorbi l-likwidu.Importanti wkoll li l-carrier ma jkun fih l-ebda tiċrit li minnhom jista’ jaħrab l-annimal.
L-Esplora ma jittolera l-ebda tip ta’ moħqrija jew negliġenza fil-konfront tal-annimali. Jekk ikun hemm xi suspett li l-annimal tal-assistenza soffra xi tip ta’ moħqrija jew negliġenza, l-Esplora għandu dmir li jirrapporta l-każ lill-awtorità rispettiva. Huwa mistenni li l-annimal li jkun qed jipprovdi l-assistenza jkollu temperament kalm u jkun ta’ mġieba tajba. Sakemm l-annimal ma jkollux għalfejn jinbaħ biex jiġbed l-attenzjoni f’każ ta’ emerġenza, huwa mitlub li l-kelb ma jitħallix jinbaħ ħafna jew għalxejn.
l-Esplora ma tittolera l-ebda forma ta’ mġiba aggressiva. Jekk waqt li tkun l-Esplora, l-annimal tal-assistenza tiegħek iġib ruħu b’mod aggressiv, inti ġentiment se tintalab toħroġ mill-post.
L-EsploraCafé jieħu ħsieb li jipprovdi skutella mimlija bl-ilma għall-annimal tal-assistenza tiegħek.
Għalkemm huwa permess li jiġi kkonsmat ikel fiż-żoni ta’ barra tal-Esplora, bħala sid l-annimal tal-assistenza inti tibqa’ responsabbli li tnaddaf wara l-annimal tiegħek jekk dan iħammeġ.
Ħtiġijiet ta’ toilet – Jekk jogħġbok oħroġ l-annimal ta’ assistenza barra il-binja tal-Esplora meta l-annimal ikollu l-bżonn u inti mitlub biex ġentilment tnaddaf warajh. Jekk taf li l-annimal ta’ assistenza tiegħek ikollu bżonn imur it-toilet spiss, inti ġentilment mitlub iġġorr l-annimal tiegħek f’carrier adattat.
Malli tasal fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza jekk jogħġbok informa lit-tim tal-Esplora dwar kwalunkwe prekawzjonijiet, jew proċeduri li jeħtieġ li nkunu nafu dwarhom f’każ ta’ emerġenza.
Jekk tkun ibbukkjat għal xi show jew workshop, it-tim tal-Esplora jieħu ħsieb jirriżervalek post komdu b’aċċess faċli.
Jekk għandek xi mistoqsijiet jew teħtieġ aktar għajnuna, jekk jogħġbok ibgħat email lil rusianne.mallia@gov.mt