Skopri l-Forzi tan-Natura bil-programm tas-sajf ta’ Esplora

Dan is-sajf, il-familji li jżuru Malta jistgħu jibdew vjaġġ divertenti bbażat fuq l-elementi u l-forzi tan-natura bil-programm il-ġdid tas-sajf taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora. Bit-tema Skopri l-Forzi tan-Natura, dan il-programm jittrasforma x-xjenza f’avventura immersiva fejn it-tfal u l-adulti jistgħu jesploraw l-elementi tal-art, l-ilma , in-nar u l-arja, u anke l-Ispazju, permezz ta’ dimostrazzjonijiet live, sessjonijiet ta’ rakkontar ta’ stejjer u attivitajiet prattiċi maħsuba biex jedukaw filwaqt li jkunu ta’ gost.

Il-programm, li joffri esperjenza ideali kemm għat-turisti kif ukoll għall-familji lokali li qegħdin ifittxu xi attivitajiet faqgħa tas-sajf b’differenza, jgħaqqad wirjiet spettakolari ma’ esperjenzi ta’ tagħlim divertenti adattati għal firxa ta’ etajiet differenti.

Wieħed mill-punti ewlenin huwa ċertament Science on Fire, attrazzjoni interattiva u interessanti tax-xjenza fejn il-kimika hija s-suġġett ewlieni. Fjammi bil-kuluri tal-qawsalla jivvjaġġaw fl-arja filwaqt li blalen tan-nar ikkontrollati jikxfu s-sigrieti tal-kombustjoni, l-enerġija u r-reazzjonijiet tal-elementi fi spettaklu drammatiku li huwa viżwalment impressjonanti u mfassal biex iqanqal il-kurżità fl-imħuħ żgħażagħ.

F’Qatra Qatra [Drop by Drop], il-viżitaturi jsegwu l-vjaġġ ta’ qatra waħda ta’ ilma mis-sħaba sal-vit u lura mill-ġdid, u jiskopru, tul dan il-proċess, kif Malta, wieħed mill-aktar pajjiżi niexfa tal-Ewropa, storikament użat ix-xjenza u l-għerf biex tiġbor, taħżen u tipproteġi l-ilma.

Tfal żgħar jistgħu jieħdu sehem f’Festa fir-Renju tar-Ramel [A Feast at the Kingdom of Sand], workshop divertenti ta’ rakkontar ta’ stejjer mimli żfin, logħob u pjaċir bit-tema tal-baħar, ispirat mill-bajjiet u l-ħajja tal-baħar ta’ Malta. Sadanittant, esploraturi żgħażagħ aspiranti jistgħu jsiru paleontologi għal jum wieħed f’Digit Diggers, workshop prattiku fejn il-parteċipanti jinvestigaw l-passi tad-dinosawri biex jiskopru ħjiel dwar kif dawn il-ġganti preistoriċi mxew, għexu u baqgħu ħajjin.

Il-wirja rinomata li tibqa’ tirritorna hija Beautiful Bubbles, il-wirja tant maħbuba ta’ Esplora li tkompli tferraħ lill-udjenzi sena wara sena. Il-viżitaturi jiskopru kif jiffurmaw il-bżieżaq, il-forom sorprendenti li jistgħu jieħdu, u saħansitra kif iżommu waħda fil-pali ta’ jdejhom.

Għall-iżgħar viżitaturi, It’s Only Natural toffri sessjoni ta’ logħob sensorjali b’atmosfera kalma ispirata min-natura, li tħeġġeġ lit-trabi u lit-tfal żgħar jingħaqdu man-natura permezz tat-texture ta’ materjali u l-esplorazzjoni divertenti.

Element ieħor li jżid dimensjoni ġdida mal-esperjenza huwa l-programm tal-Planetarium ta’ Esplora, li jikkumplimenta l-attivitajiet tas-sajf billi jistieden lill-viżitaturi jivvjaġġaw lil hinn mid-Dinja u jesploraw l-għeġubijiet tal-ispazju.

B’attivitajiet li jikkombinaw ix-xjenza, il-kreattività u l-iskoperta, il-programm tas-sajf ta’ Esplora joffri lill-familji mod divertenti kif jaħarbu mis-sħana filwaqt li jesperjenzaw waħda mill-aktar attrazzjonijiet interessanti ta’ Malta.

Avvenimenti

Skopri l-Forzi tan-Natura bil-programm tas-sajf ta’ Esplora

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal Impatt Akbar b’firxa usa’.

View more