Konferenza Ecsite 2023

Il-Konferenza Ecsite se tittella’ f’Malta bejn l-14 u s-17 ta’ Ġunju. Ecsite isservi bħala n-network Ewropew għal Ċentri tax-Xjenza u Mużewijiet. Din il-konferenza hija l-aktar laqgħa prominenti fl-Ewropa ta’ professjonisti li huma nvoluti fil-qasam tax-xjenza. Huwa mistenni li fil-jiem li ġejjin f’Malta jaslu aktar minn 900 professjonist mid-dinja kollha biex jieħdu sehem f’din il-konferenza.

Din is-sena Ecsite se tkun ospitata minn Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza u se tittella’ f’diversi lokalitajiet fil-Belt Valletta u l-Kalkara fosthom f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Malta hija meqjusa bħala l-post ideali għal din il-konferenza minħabba li tgħaqqad flimkien settur xjentifiku li huwa b’saħħtu ma’ storja u wirt kulturali rikka, kif ukoll impenn għal żvilupp sostenibbli.

Ecsite hi magħmula minn komunità dinamika ta’ aktar minn 350 organizzazzjoni li huma impenjati li jrawmu passjoni fin-nies għas-suġġetti kollha tax-xjenza u jaqsmu xewqa waħda, dik li jagħmluha aktar aċċessibbli, interattiva u mmirata għal nies ta’ kull età u li ġejjin minn oqsma differenti. Il-konferenza hija avveniment annwali ffukata fuq il-promozzjoni tal-edukazzjoni tax-xjenza, tinkoraġġixxi kollaborazzjoni bejn il-professjonisti u l-bdil ta’ prattiċi tajba fil-komunikazzjoni xjentifika. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Ecsite hi li tiġi pprovduta pjattaforma li tiffaċilita l-bdil tal-għarfien u l-ideat.

Il-Konferenza Ecsite se jkun fiha madwar 80 sessjoni li jinkludu diskorsi ewlenin, taħditiet, workshops, wirjiet u avvenimenti ta’ networking, li kollha għandhom l-intenzjoni li jagħtu opportunità lil dawk kollha li jattendu li jiddiskutu trends emerġenti, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jitgħallmu minn xulxin, jagħmlu konnessjonijiet bejnithom u fl-istess waqt jieħdu ideat li jistgħu jgħinuhom fix-xogħol tagħhom fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza. Il-konferenza tippromwovi wkoll kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet b’tali mod li jippermettulhom li jidentifikaw opportunitajiet u sħubijiet ġodda, kif ukoll jesploraw approċċi innovattivi. Matul dan l-avveniment se jkun hemm ukoll Business Bistro magħmul minn 41 esebitur, li se jkunu biex jippreżentaw l-aktar prodotti u servizzi riċenti tagħhom.

Malta ssottomettiet offerta biex tospita l-Konferenza Ecsite tliet snin ilu, permezz ta’ Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza. Il-fatt li Esplora ntgħażel biex jospita din il-konferenza prestiġġuża huwa ta’ unur kbir għal Malta u kisba sinifikanti għaċ-ċentru tax-xjenza. Il-ħidma ta’ Esplora fuq il-programm ta’ dan l-avveniment importanti kienet vasta u fost l-oħrajn il-programm jinkludi Speakers Reception nhar l-Erbgħa fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Muża, Gala Dinner u Ċerimonja tal-Għoti tal-Awards Mariano Gago nhar il-Ħamis f’Villa Bighi u Nocturne li se jittella’ fl-Esplora nhar il-Ġimgħa.

Esplora se jkollu ċ-ċans jenfasizza wħud mill-attivitajiet tiegħu waqt Nocturne. Dawn se jinkludu xow tax-xjenza interattiv ħafna, Science on Fire u workshops bħal Chain Reaction u Unlocking AI. Esplora se jipprovdi wkoll esperjenza fil-Planetarium, fejn dawk li jattendu se jkunu jistgħu jaraw live shows, films tal-Planetarium u jieħdu sehem f’attivitajiet oħra. Mumenti oħra ta’ divertiment waqt din is-serata se jkunu wirja taż-żfin, l-Ecsite Jazz Band, silent disco u karaoke.

Waqt din il-konferenza, id-disinjatur lokali James Dimech se juri l-kollezzjoni tiegħu ta’ arti milbusa, li hi magħmula minn materjal riċiklat. Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jaraw id-disinji esklussivi li ħoloq James. Waħda mill-ilbiesi se tkun magħmula mill-karti u se tieħu l-kunċett ta’ riċiklaġġ fuq livell ogħli. Libsa oħra se tkun magħmula mill-metall u oħra minn plastik riċiklabbli. James se jkun qed jippreżenta wkoll sessjoni dwar il-proċess ta’ kif inħolqu dawn l-ilbiesi uniċi.

Proġett lokali interessanti li qed jiġi sponsorjat minn Ecsite din is-sena huwa SIKKA – Proġett ta’ Sikka Artifiċjali li hu mmexxi mill-organizzazzjoni non-profit Maltija, Żibel. Il-proġett għandu l-għan li jpoġġi sikek artifiċjali magħmula mill-istampar 3D fl-ibħra Maltin. Dan se jgħin lill-ekosistema lokali billi jipprovdi abitat tant meħtieġ lill-ħlejjaq tal-baħar.

Iċ-ċerimonja ta’ ftuħ tal-Konferenza Ecsite se tkun nhar il-Ħamis f’Dar il-Mediterran. Fiha se jattendu diversi persuni ta’ livell għoli li jinkludu lill-Onor. Clifton Grima, Ministru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Dr Tonio Portughese, Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Bruno Maquart, President ta’ Ecsite u Catherine Franche, Direttur Eżekuttiv ta’ Ecsite.

Il-Konferenza Ecsite hija ċelebrazzjoni ta’ kreattività, kollaborazzjoni u opportunità sabiex wieħed jagħmel networking, jitgħallem u fl-istess waqt jieħu pjaċir. Nixtiequ nilqgħu lill-partiċipanti kollha f’Malta u nittamaw li jgawdu l-ospitalità sabiħa Maltija u s-sbuħija naturali tal-gżejjer Maltin.

Waqt iċ-ċerimonja tat-tmiem, Malta se tgħaddi x-xettru lil Slovenja, li se tospita Ecsite is-sena d-dieħla. Din se tkun opportunità kbira għal Malta biex twassal l-għarfien tagħha fil-komunikazzjoni tax-xjenza fuq livell internazzjonali u anke tistabbilixxi sħubiji ġodda ma’ ċentri, mużewijiet u organizzazzjonijiet oħra tax-xjenza.

Il-Konferenza Ecsite mhijiex miftuħa għall-pubblika. Esplora se jkun magħluq għall-viżitaturi kollha min-nhar is-Sibt 10 ta’ Ġunju sal-Ħadd 18 ta’ Ġunju 2023. Iċ-ċentru tax-xjenza se jerġa’ jkun miftuħ għall-viżitaturi min-nhar it-Tlieta 20 ta’ Ġunju 2023.

Avvenimenti

UoM Electric Car Launch

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more