Esplora tilqa’ l-Altezza Rjali l-Prinċipessa Dr Nisreen El-Hashemite u delegazzjoni minn RASIT

Ninsabu onorati li lqajna lill-Altezza Rjali l-Prinċipessa Dr Nisreen El-Hashemite, Direttur Eżekkutiv, RASIT, il-Prof. Elie Elzouki, Direttur tal-Iżvilupp Sostenibbli u Komunikazzjoni, RASIT kif ukoll Prof. Celine Merheb, Direttur tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Proġetti fl-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza. Id-delegazzjoni ltaqgħet mas-Senior Director tal-Esplora, is-Sur Olaf McKay u membri oħra tat-tim ta’ Esplora, fejn flimkien daru maċ-ċentru interattiv.

Ir-Royal Academy of Science International Trust (RASIT) jinsabu Malta biex jippreżentaw premju lill-Onor. Prim Ministru, Dr Robert Abela hekk kif Malta ġiet innominata bħala l-Kapitali Dinjija tal-Women and Girls in Science. Hekk kif tingħata din in-nominazzjoni Malta se tkun qed tiżviluppa u timplimenta programm għal sena ta’ attivitajiet xjentifiċi, soċjali kulturali u ekonomiċi li huma konsistenti mal-għanijiet tal-Inizjattivi Kapitali.

Il-Prinċipessa Dr Nisreen qalet li matul il-vjaġġi tagħha hi esperjenzat diversi ċentri tax-xjenza madwar id-dinja iżda stqarret li tara li l-Esplora jmiss lin-nies, iqanqal il-kreattività u l-ħsieb kritiku b’mod aktar tanġibbli minn postijiet oħra. Hi ddeskrivitu bħala ċentru li jwettaq il-ħolma tagħha.

L-għan ġenerali ta’ RASIT huwa li jippromwovi x-xjenzi u jsaħħaħ l-influwenza ta’ dawn is-suġġetti fuq il-programmi ta’ żvilupp sostenibbli tas-soċjetá. Ir-RASIT jiddefendu wkoll il-kontribut li x-xjenza u l-innovazzjoni jistgħu jagħtu għall-prosperità ekonomika, il-kwalità tal-ħajja u s-sostenibbiltà ambjentali.

Avvenimenti

UoM Electric Car Launch

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more