Family Digital Science Quest – 22 sa 23 t’Awwissu 2020

Trid li t-tfal tiegħek isiru Kaptan tal-Pirati għal ġurnata waħda? Jew forsi juri kemm huma ‘Gamers’ tajbin? Trid li jgħinu lill-Unikorni jfittxu dar ġdida, jembarkaw fuq missjoni bħala Vlogger, jispiċċaw nawfragati fuq gżira deżerta jew fl-ispazju?

 

Sfidi! Missjonijiet differenti b’tema oriġinali! Sphero! ‘Demo ‘tal-MicroEye… u kif ukoll Zed, ir-robot simpatiku tal-Esplora. Matul il-weekend li ġej, fl-Esplora, se jkun hemm attivitajiet divertenti immirati għall-familja kollha. Dan hekk kif se nerġgħu ntellgħu l-avveniment tant popolari bl-isem ta’ Family Digital Science Quest.

 

Biex it-tfal jieħdu sehem f’waħda mill-isfidi, tridu ġġibu ‘mobile’ jew ‘tablet’ u tagħżlu t-tema li l-aktar togħġobkom minn dawn li ġejjin: Pirate Captain Academy, A Gamer’s Got to Game, Unicorns: In Search of a New Home, A Vlogger’s Quest, Shipwreck Quest jew Planetarium Quest.

 

Hekk kif it-tfal jagħżlu l-‘quest’ favorita tagħhom, jingħataw ‘code’. Agħmlu ‘scan’ tagħha fuq it-‘tablet’ jew ‘mobile’ biex b’hekk tingħataw aċċess għal numru ta’ mistoqsijiet. Biex tavvanzaw minn sfida għall-oħra tridu twieġbu għal dawn il-mistoqsijiet. Ħudu gost!

 

Zed lura l-Esplora!

Nhar is-Sibt li ġej, fin-12.30, Zed, ir-robot favorit tagħna, se jkun qed iżur l-Esplora biex jiltaqa’ ma’ dawk preżenti. Ħu ‘selfie’ miegħu, tellgħu fuq Facebook u agħmel ‘tag’ fuq il-paġna uffiċjali tal-Esplora li tista’ ssibha billi tikteb @esploramalta

 

‘Workshops’ Eċċezzjonali

Tul dan il-weekend se tkun tista’ tipparteċipa wkoll fil-‘workshop’ ta’ Sphero. Hawnhekk se jkollok iċ-ċans tipprova l-‘coding’ fuq it-‘tablet’ jew ‘mobile’ tiegħek billi tgħin lil Sphero jivvjaġġa min-naħa għall-oħra.

 

Il-Ħadd, imbagħad, se jkollok l-opportunità li tara ‘Demo’ tal-MicroEye. Il-MicroEye hija tip ta’ kamera li hi kapaċi tkabbar oġġetti żgħar. Min jaf xi preparajna għalikom din id-darba?

 

Science Shows fl-Esplora bħalissa

Bħalissa fl-Esplora qed jittellgħu dawn it-tliet ‘Science Shows’:

 

Pump Up the Volume – Jekk jogħġbuk ħsejjes differenti, mela żgur li se tieħu gost b’dan ix-‘show’! Ara, ħoss u isma’ l-vibrazzjonijiet li nipproduċu kuljum. Tgħallem aktar dwar il-ħoss u esplora strumenti differenti!

 

Body Wonders – ‘Show’ meraviljuż li jgħinek tiskopri aktar dwar kif jaħdem il-ġisem u kif l-ikel li nieklu jiġi pproċessat mis-sistema diġestiva tagħna.

 

Beautiful Bubbles – Dan huwa ‘show’ speċjali maħluq għall-Esploraturi ż-Żgħar. Dan il-‘mini bubble show’, huwa ideali għal tfal ta’ bejn it-tlieta u l-ħames snin u fih ikunu jistgħu jaraw bżieżaq ta’ kull qies jitilgħu ’l fuq, imorru ’l hemm, ’l hawn u kullimkien.

 

Preżentament, is-Science Shows qed ikunu miftuħa għal attendenza limitata ta’ mhux aktar minn 30 persuna. Saru arranġamenti biex is-siġġijiet ikunu fi gruppi ta’ mhux aktar minn ħamsa. Dan qed isir b’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa f’dik li għandha x’taqsam iż-żamma ta’ distanza soċjali. Għalhekk il-parteċipazzjoni f’dawn ix-shows qiegħda tkun fuq bażi ta’ min jibbukkja l-ewwel, jinqeda l-ewwel.

Avvenimenti

UoM Electric Car Launch

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more