Film Ġdid fl-EsploraPlanetarium!

Magic Globe huwa film ġdid li se jibda jittella’ fl-EsploraPlanetarium fil-jiem li ġejjin. Din l-istorja animata u ħelwa ġiet magħżula u se tittella’ grazzi għal kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, kif ukoll mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD). L-għan ta’ dan il-film hu biex ikun relatabbli u attirabbli għal kulħadd inkluż il-persuni b’diżabilità intelletwali.

Ideali għal tfal ta’ bejn il-5 u 12-il sena, il-film jiffoka fuq Mia, li tmur toqgħod man-nannu tagħha għall-vaganzi tas-sajf. Hawnhekk hija tibda titgħallem kif id-Dinja ddur max-Xemx u dan il-proċess joħloq staġuni differenti. L-avventura divertenti tagħha tiġi interrotta miz-ziju, li b’malizja jipprova jġegħilha tuża magna li tbiddel l-istaġuni. Jekk tagħmel hekk ikun hemm konsegwenzi koroh għall-ekosistema tad-dinja. L-għan ta’ Magic Globe huwa li jkun edukattiv imma fl-istess waqt jgħallem lit-tfal ix-xjenza permezz ta’ avventura divertenti.

Din kienet l-ewwel darba li film tal-EsploraPlanetarium ġie magħżul bl-għajnuna ta’ kumitat maħluq minn membri tas-CRPD, bl-għan li jkun relatabbli għall-persuni b’diżabilità intelletwali. Dan kien possibbli permezz ta’ MOU bejn l-Esplora u l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat li ġie ffirmat is-sena li għaddiet.

Fl-MOU hemm inkluż skonti għall-Biljetti tal-Entratura għal Disability Card Holders u persuna li tieħu ħsiebhom kif ukoll il-possibiltà li jiġu maħluqa diversi inizjattivi ġodda fl-Esplora għal persuni b’diżabilità. Waħda minn dawn l-inizjattivi kienet kollaborazzjoni mas-CRPD, li ġew mitluba joħolqu kumitat apposta biex jiġi magħżul film ġdid fl-EsploraPlanetarium.

Il-kriterju li permezz tagħha ntgħażel Magic Globe bħala l-film favorit mill-5 li ġew ippreżentati lil dan il-kumitat kien dan: il-film huwa animat u avventuruż, wieħed mill-karattri tal-film huwa kelb u l-karattru ‘kattiv’ iddispjaċih talli għamel. In-Nannu kien ukoll wieħed mill-aktar karattri maħbubin mill-membri ta’ dan il-Kumitat.

Meta ntalab biex jikkummenta dwar ir-raġuni għaliex it-tfal għandhom jiġu jaraw dan il-film il-ġdid, is-Sur Clayton Cutajar, Direttur tal-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza qal, “Dan il-film huwa eżempju ta’ kif kunċetti tax-xjenza qed jiġu ppreżentati b’mod relevanti grazzi għall-arti ta’ storytelling u anke esperjenza multisensorjali. Dan huwa mod eċċellenti ta’ kif l-edukazzjoni u d-divertiment jistgħu jingħaqdu flimkien biex joħolqu esperjenza għal kulħadd.”

Is-Sur Cutajar irringrazzja ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, is-CRPD, il-Ministeru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat għas-sapport tagħhom f’dan il-proġett. Huwa tkellem ukoll dwar il-fatt ta’ kif, mill-ftuħ tiegħu, Esplora dejjem ħaddan id-diversità fil-forom kollha tagħha. Huwa qal, “Din hija parti mill-ideoloġija u l-ethos ċentrali tagħna u fl-oqsma kollha nippruvaw immexxu bl-eżempju. Dejjem hemm lok għal titjieb f’qasam daqshekk vast u għalhekk il-feedback mill-viżitaturi huwa dejjem milqugħ u apprezzat.”

Magic Globe huwa avventura li toħloq kurżità, intrigu u tinkoraġġixxi l-mistoqsijiet. Imma hija wkoll storja ħelwa, ikkulurita u mimlija divertiment. Iċċekkjaw l-Iskeda tal-ġimgħa sabiex tkunu tafu l-ħinijiet li qed jintwera l-film.

Jekk tixtiequ taqraw verżjoni Easy Read ta’ dan l-artiklu tistgħu taċċessah minn hawnhekk.

magic-globe_webiste

Avvenimenti

Milied Ġewwa L-Esplora

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal Impatt Akbar b’firxa usa’.

View more