Gears & Wheels: Niżvelaw ix-Xjenza tal-Karozzi tat-Tlielaq

Ippreparaw ruħkom għal attività mimlija azzjoni hekk kif bi pjaċir inħabbru avveniment maqsum fuq jumejn bl-isem ta’ Gears & Wheels: Niżvelaw ix-Xjenza tal-Karozzi tat-Tlielaq. Avveniment li permezz tiegħu se tidħlu fid-dinja tal-karozzi tat-tlielaq u x-xjenza avvanzata li dan il-qasam huwa mdawwar biha. Immarkaw il-kalendarju tagħkom għal nhar is-Sibt 19 u l-Ħadd 20 t’Awwissu u ngħaqdu magħna l-Esplora bejn l-10 ta’ filgħodu u l-5 ta’ filgħaxija għal esperjenza mill-isbaħ!

Il-biljetti tad-dħul u xi attivitajiet bħall-Esperjenza immersiva f’Karozza tat-Tiġrija u l-kompetizzjoni tal-eSports se jkunu disponibbli fuq bażi ta’ min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel. Il-ħlas tal-biljetti huwa:

Adulti – €7

Tfal (3-15-il sena) – €5

Persuni li għandhom il-Karta tad-Diżabilità/Persuni li għandhom il-KartaAnzjan jew il-Karta tal-Identità tas-60+ – €5

Il-biljett tad-dħul jinkludi show tax-xjenza jew film/show tal-planetarium u aċċess għall-attivitajiet kollha ta’ hawn taħt.

Gears & Wheels: x’għandek tistenna?

Karozza tat-Tiġrija stil tal-Formula 1 mit-tim tal-Università ta’ Malta

Għal dan l-avveniment, Esplora ngħaqad mat-tim tal-Università ta’ Malta biex tkunu tistgħu taraw karozza bl-istil li jintużaw fil-Formula 1. Ippreparaw ruħkom biex taraw it-teknoloġija avvanzata li tintuża f’dawn il-karozzi. Se jkollna wkoll stazzjonijiet interattivi li fihom tistgħu tiskopru aktar dwar id-disinn, iċ-chassis u l-frame tal-karozza, il-powertrain, it-tajers u l-assemblaġġ tar-roti, is-suspension, l-isteering u l-pedali, kif ukoll il-parti ta’ quddiem tal-karozza, is-sit u s-suit li jilbes is-sewwieq, flimkien mal-elmu u l-boots. Se jkollkom l-opportunità li titgħallmu aktar dwar l-inġinerija li tagħti l-veloċità lil din il-karozza. U dan kollu billi tieħdu sehem f’diversi attivitajiet interattivi, immirati għal kull età. Il-karozza magħmula mit-tim tal-Università ta’ Malta se tkun għad-dispożizzjoni tal-viżitaturi kollha li mhux biss se jkunu jistgħu jarawha imma anke jidħlu fiha biex jieħdu r-ritratti.

Esperjenza immersiva f’Karozza tat-Tiġrija

Ħossu l-emozzjonijiet li jkollu sewwieq tat-tiġrija hekk kif tippruvaw tpoġġu wara l-isteering ta’ karozza tat-tiġrija u ssuqu. Dan kollu mingħajr ma titilqu mill-Esplora! Grazzi għal simulazzjoni avvanzata, se jkollkom l-opportunità li tpoġġu bilqiegħda fuq is-sit tas-sewwieq u tħossukom qiskom qegħdin fuq track tat-tiġrija. U waqt li tkunu qegħdin hawnhekk tinsewx tippużaw quddiem il-fotografu tagħna ħalli tieħdu parti f’kompetizzjoni li se tittella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Esplora. Fil-fatt ir-ritratti kollha se jitilgħu fuq il-paġna ta’ Facebook tagħna, fejn se jkollkom l-opportunità li tagħmlu tag fuq ir-ritratt tagħkom u min ikollu l-aktar likes – jirbaħ!

Kompetizzjoni Gears and Wheels ma’ eSports

Dawk kollha li huma dilettanti tal-gaming, se jkollhom ukoll opportunità unika waqt dan l-avveniment! Sempliċiment nistednukom biex tpoġġu bilqiegħda, taqbdu controller b’idejkom, issuqu karozza fil-logħba Gran Turismo u tippruvaw iġġibu l-aqwa lap time. Fl-aħħar se jkun hemm persuna li tiġi ddikjarata champion u se tirbaħ tagħmir tal-gaming. Jekk tispiċċa fuq il-podium ukoll se jkollok l-opportunità li tirbaħ premju! Jekk tixtieq tipprova tikkompeti, tista’ tagħmel dan billi żżurna waqt dan l-avveniment u tikkompeti ma’ dilettanti oħra bħalek!

Opportunità li tieħu ritratt

Żommu tifkira ta’ din iż-żjara billi tieħdu ritratt tal-okkażjoni. Waqt dan l-avveniment se nagħtukom ukoll l-opportunità li tippużaw quddiem green screen, tieħdu ritratt u teħduh magħkom id-dar. B’hekk żgur li tiftakru dan l-avveniment divertenti.

Gears & Wheels: Niżvelaw ix-Xjenza tal-Karozzi tat-Tlielaq se tkun esperjenza indimentikabbli għall-viżitaturi ta’ kull età. Titilfux dawn il-jumejn divertenti u flimkien magħna ċċelebraw ix-xjenza wara l-karozzi kif ukoll l-imħabba tagħkom għall-veloċità u l-innovazzjoni.

Avviż Importanti

Biljetti kumplimentari, vouchers u offerti ta’ skonti ma jistgħux jissarrfu waqt Gears & Wheels: Niżvelaw ix-Xjenza tal-Karozzi tat-Tlielaq.

Termini u Kundizzjonijiet

Ġentilment nixtiequ ninfurmawkom li jistgħu jittieħdu xi ritratti/filmati waqt Gears & Wheels: Niżvelaw ix-Xjenza tal-Karozzi tat-Tlielaq. Il-preżenza tiegħek waqt dan l-avveniment tikkostitwixxi kunsens biex jittieħdu ritratti/filmati għal skopijiet ta’ Marketing u pubbliċità. Jekk ma tixtieqx li tidher f’dawn ir-ritratti/filmati, jekk jogħġbok kellem lil membru tar-Reception tagħna. Dawn jagħtuk stiker speċjali biex tippermetti lill-fotografu/videographer tagħna jidentifikak u ma jinkludikx fl-ebda ritratt/filmat. Aktar informazzjoni tista’ tingħata mir-Reception tagħna.

Avvenimenti

UoM Electric Car Launch

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more