Iktar minn 900 komunikatur tax-xjenza jiltaqgħu waqt l-ECSITE 2023 fil-Belt Valletta, Malta

Ecsite, in-network Ewropew ta’ ċentri u mużewijiet tax-Xjenza qed ilaqqa’ iktar minn 900 komunikatur minn madwar 50 pajjiż għal konferenza.

Din il-konferenza hija miftuħa għal professjonisti kollha li jaħdmu ma’ diversi udjenzi fix-xjenza u t-tekonoloġija f’ċentri jew mużewijiet tax-xjenza, entitajiet tar-riċerka, festivals, universitajiet u kumpaniji. Il-Konferenza hija organizzata miċ-Centru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora u qed iseħħ fil-Belt Valletta u l-Kalkara, sabiex jiġi offrut ambjent ta’ ispirazzjoni u atmosfera professjonali.

Il-Konferenza ECSITE tas-sena 2023, fetħet illum b’ċerimonja li laqqgħat ix-xjenza mal-arti bis-sehem ta’ ŻfinMalta li ppreżentaw korjografija bl-isem ta’ Everlasting, li hija ispirata mill-pjanta selvaġġa, il-Ħelikrijsum Melitense. Pjanta endemika għal-Malta partikolarment għad-Dwejra, Għawdex. Bil-korjografija ta’ Paolo Mangiola u arti viżiva ta’ Matthew Attard.

Il-konferenza ġiet inawgurata mill-Onorevoli Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Riċerka u Innovazzjoni. Fil-ftuħ uffiċjali tal-konferenza l-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni inklussiva u ekwa, kif ukoll li l-edukazzjoni tkompli taħdem fuq l-ispirazzjonijiet tal-istudenti b’rabta mal-ħtiġijiet tal-industrija u d-dinja tax-xogħol.

“Qed naħdmu ħalli noffru lill-istudenti l-opportunitajiet billi nħarsu wkoll lejn il-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol. B’hekk qed nagħtu importanza lis-suġġetti STEM u lill-edukazzjoni li tħares b’mod ħolistiku lejn dak li qed naffaċċjaw fid-dinja tal-lum, fosthom dak li qed niddiskutu f’din il-konferenza: il-kriżi tal-klima u l-bijodiversità; il-misinformazzjoni; l-importanza tax-xjenza; il-ħiliet imfittxija fis-seklu 21; u inklużjoni u ekwità,” qal il-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tax-xjenza fil-ġurnata tal-lum, b’mod partikolari fil-qasam tal-industrija u tax-xogħol. “Malta qed tkompli tenfasizza dejjem aktar fuq is-suġġetti STEM biex inkomplu nkattru s-setturi tagħna u nħallu impatt ekonomiku pożittiv. Ta’ kull sena l-investiment lokali fir-riċerka u l-innovazzjoni qiegħed dejjem jiżdied għaliex nemmnu li din hija t-triq ‘il quddiem biex noħolqu mhux biss aktar impjiegi, imma karrieri ta’ valur. Din il-konferenza tlaqqa’ din il-viżjoni tagħna mal-viżjoni ta’ diversi pajjiżi oħra minn madwar id-dinja kollha,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Jindiriżża l-komunità tal-membri tal-ECSITE Dr. Tonio Portughese, iċ-Chairman tal-MCST qal:

“Minn meta ngħaqadna ma’ ECSITE fl-2011, l-Esplora kienet u għada membru u parteċipanta attiva fl-attivitajiet u fl-iskambju tal-informazzjoni fil-forum informattiv u utli tal-ECSITE.” Huwa żied jgħid li “ċ-ċentru jinsab konformi mal-għanijiet u l-objettivi ta’ ECSITE, u l-fatt li qed norganizzaw din il-konferenza din is-sena kien riżultat tal-parteċipazzjoni attiva u entużjasta tagħna. Aħna wkoll irridu nqawwu qalb iċ-ċittadini Maltin sabiex jipparteċipaw fil-komunikazzjoni tax-xjenza.”

Wara l-kelliema Maltin, taw sehemhom TeatruMalta bis-silta ‘Ambjent’, mill-produzzjoni O, li tirreferi għall-Professur Oliver Friggieri. B’korjografija ta’ Cheryl Lofreda, bis-sehem ta’ The Movement, Jamie Cardona u Claire Tonna, b’kunċett u direzzjoni ta’ Sean Buhagiar.

Il-President tal-Ecsite Bruno Maquart, qal li “Il-Konferenza ECSITE hija fejn l-aqwa imħuħ fuq l-impenn tax-xjenza jinġabru sabiex jispiraw, jiltaqgħu u jfasslu l-futur tal-komunikazzjoni fix-xjenza. Il-Konferenza tagħna sservi bħala pjattaforma b’saħħitha għal skambju ta’ ideat, titrawwem il-kollaborazzjoni kif ukoll immaġinazzjoni mill-ġdid ta’ possibilitajiet ta’ impenn mal-pubbliku fix-xjenza. Ninsabu kuntenti ferm li din is-sena din il-konferenza qed tkun organizzata miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora.”

Waqt iċ-ċerimonja Dr Tonio Portughese, iċ-Chairman tal-MCST, iffirma l-Ecsite Environmental Emergency Pledge f’isem ESPLORA u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, li fiha impenja ruħu bis-sħiħ li jipparteċipa f’din l-inizjattiva strateġika, maħsuba biex tgħin lill-membri tal-ECSITE jieħdu passi. biex tagħmel aħjar, passi żgħar fid-direzzjoni t-tajba.

Dan l-avveniment mifrux fuq tlett ijiem mill-15 sas-17 ta’ Ġunju 2023 ser iservi ta’ vetrina għal iktar riċerka riċenti u l-aħħar żviluppi fl-impenn pubbliku max-xjenza permezz ta’ sessjonijiet dinamiċi, dibattiti, workshops kif ukoll fiera bl-isem ta’ ‘Business Bistro’. Ġurnata qabel il-konferenza, nhar l-14 ta’ Ġunju,  sar  wkoll laqgħat u workshops li taw għarfien iddettaljat fuq numru ta’ aspetti fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-Xjenza. Il-programm joffri għażla vasta ta’ iżjed minn 80 sessjoni minn iktar minn 300 kelliem fuq suġġetti bħalbiodiversità u l-kriżi tal-klima, l-ekwità u l-inklużjoni, il-ħiliet tas-seklu 21 u l-informazzjoni mhux preċiża. Din il-konferenza tistieden il-komunità tal-impenn fix-xjenza sabiex jibnu fuq l-aħħar tletin sena ta’ komunikazzjoni tax-xjenza u jħarsu ’l quddiem sabiex jespandu l-orizzonti tal-proċessi f’dan il-qasam.

Il-kelliema ta’ profil għoli huma:

41 eżebitur ser ikunu qed jesebixxu l-aħħar prodotti u servizzi waqt il-fiera ‘Business Bistro’. Ser ikun hemm ukoll diversi opportunitajiet ta’ networking bħalGala Dinner flimkien maċ-ċerimonja Mariano Gago Ecsite Award, l-avveniment ta’ xjenza divertenti fl-Esplora – in-Nocturne Event kif ukoll l-aħħar ċelebrazzjoni s-Sibt filgħaxija. Dawn l-avvenimenti organizzati apposta bħala parti minn din il-konferenza jinkludu wkoll il-kollazzjon għall-membri l-ġodda, avventiment tal-Onboarding għall-membri l-ġodda, festin għall-kelliema u is-CEO Focus li hija ġdida għas-sena 2023.

https://www.ecsite.eu/conference/programme

Avvenimenti

Milied Ġewwa L-Esplora

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal Impatt Akbar b’firxa usa’.

View more