Ninsabu kburin li ospitajna l-Avveniment tal-Istampa għat-tnedija tal-Proġett Maleth fil-binja tal-EsploraPlanetarium nhar is-Sibt 15 ta’ Mejju u li wkoll qed nagħtu sapport lil dan il-proġett.
Il-Gvern ta’ Malta ħabbar l-ewwel programm xjentifiku—Il-Proġett Maleth—li ser jintbgħat fl-Istazzjon Spazjali Internazzjonali. B’antiċipazzjoni kbira, dan għandu jwassal lix-xjenza Maltija f’era ġdida ta’ xjenza spazjali u diplomazija spazjali.
Flimkien, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, bl-appoġġ tal-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara l-Covid-19, u b’kollaborazzjoni mas-Servizzi ta’ Applikazzjonijiet Spazjali bbażati fil-Belġju, ikkollaboraw b’suċċess fil-ħolqien ta’ esperiment u missjoni kuraġġuża u innovattiva li qed jitmexxa mill-Professur Joseph Borg. Il-Professur Borg huwa akkademiku fl-Università ta’ Malta, President tal-Malta Association of Biomedical Scientists, u jmexxi t-tim ta’ riċerka tiegħu fl-ematoloġija esperimentali u l-ġenetika molekulari.
Il-Proġett Maleth għandu l-għan li jistabbilixxi l-pedament għal aktar kollaborazzjonijiet tekniċi bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tagħna stess kif ukoll imsieħba internazzjonali fil-qasam. Dan se jistabbilixxi l-bażi meħtieġa għal aktar xjenza avvanzata li tibni fuq is-suċċess tal-passat.
Aċċess għall-ambjent spazjali, mikrogravità u radjazzjoni għolja joħloq opportunità unika biex jiġu studjati diversi esperimenti tal-bijoloġija esperimentali u mistoqsijiet fundamentali tax-xjenza bijomedika li jista’ jkollhom implikazzjonijiet għal problemi kliniċi tad-dinja reali.
Il-Professur Borg spjega li żewġ applikazzjonijiet li hu u t-tim qed jaħdmu fuqhom flimkien mal-kollegi Afshin Beheshti (Investigatur Prinċipali fin-NASA Ames Research Centre) u Christopher Mason (Investigatur Prinċipali fil-Weill Cornell Medicine, USA) jinkludu l-istudju u l-effetti tal-ispazju fuq id-demm uman u kontroll tal-espressjoni tal-emoglobina. Proġett ieħor huwa l-istudju ta’ mikrobijomi tal-ġilda ta’ pazjenti b’Diabetes Mellitus tat-Tip 2. Feriti u ulċeri fil-ġilda f’pazjenti dijabetiċi ta’ Malta jippreżentaw problema medika ta’ sfida kbira u sinifikanti b’10 każijiet ġodda kull ġimgħa li jeħtieġu attenzjoni u kura medika.
L-esperimenti xjentifiċi qed jiġu appoġġati wkoll minn Evolve Ltd, li qed jagħtu donazzjoni ta’ 30,000 EUR lir- Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li x-xjenza tista’ tintuża kemm għat-tajjeb u kif ukoll għall-ħażin – b’dan il-proġett pajjiżna qed jużaha għall-ġid tal-umanità. Tant illi dan hu proġett li jista’ jgħin biex fost oħrajn, dawk b’kundizzjonijiet mediċi marbuta mad-dijabete jiġu mgħejjuna biex possibbilment jevitaw il-ħtieġa li ssir xi amputazzjoni.
Huwa żied li f’taħdidiet ma’ pajjiżi ferm ikbar minn Malta jitqanqal interess kbir fuq kif fiċ-ċokon tagħna, m’aħniex ċkejknin fil-ħiliet u fit-talent. “Il-proġett Maleth huwa xhieda oħra ta’ kif bħala Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, aħna kommessi li nappogjaw u nagħtu ċans lit-talent Malti jiżvilluppa u jilħaq il-milja tiegħu fuq livell internazzjonali”, ikkonkluda l-Ministru Bartolo.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni, u Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 Owen Bonnici qal li l-ispazju jippreżenta ħafna opportunijiet għar-riċerka u l-innovazzjoni.
“L-ispazju mhuwiex biss il-qasam tal-astronawti u titjiriet spazjali iżda wkoll parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm meta nagħmlu telefonata u kemm meta nużaw xi mappa fuq il-mobile waqt li nkunu qed insuqu. Għalhekk l-ispazju jipprovdi oqsma kbar għar-riċerka u l-innovazzjoni,” qal il-Ministru Bonnici.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li “iċ-Ċentru Esplora huwa pijunier u riżors uniku li qed jgħin sabiex iqarreb aktar ix-xjenza u r-riċerka lejn il-pubbliku. Dan nagħmluh permezz ta’ bosta attivitajiet li joħolqu interess u kurżità, filwaqt li juru r-relevanza tax-xjenza kemm fil-ħajja ta’ kuljum, f’xogħolna, u anke bħala ċittadini attivi Maltin.” Żied jgħid li “fil-100 jum li ġejjin, sat-tnedija tal-proġett ‘Maleth’ fl-ispazju, l-Esplora se jkun qed joħloq kuxjenza u jgħarraf lill-pubbliku dwaru. Dan se jinkludi dettalji dwar l-esperimenti li fih, il-karrieri relatati, u l-kunċetti fl-oqsma STEM marbuta miegħu.”