Wara li riċentement irċeviet il-premju tal-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Awditjar għall-“aħjar prattika” tal-governanza tal-fondi pubbliċi, l-Aġenzija Xjenza Malta, baqgħet tiddomina l-aħbarijiet u din id-darba qed tissemma’ għas-suċċess miksub mill-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, tagħha li jinsab il-Kalkara.
Tripadvisor.com, l-akbar pjattaforma tal-ivvjaġġar li teżisti fid-dinja, u li għandha aktar minn biljun review u kontribuzzjoni, riċentement ippremjat lill-Esplora biċ-ċertifikat tat-‘Travellers’ Choice Award 2024’. Tripadvisor li jingħaraf mill-logo distintiv aħdar u iswed tiegħu, huwa s-sit elettroniku li jintuża mill-konsumatur biex qabel ma dan jagħżel li jmur x’imkien jaqra dwar l-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom konsumaturi oħrajn biex b’hekk ikollu għarfien aħjar tal-aqwa u l-aħjar postijiet fejn għandu jmur. L-għan ta’ TripAdvisor huwa li jkun is-sors ta’ fiduċja fejn tista’ tirrikorri biex tikseb opinjoni f’dak li għandu x’jaqsam mall-ivvjaġġar u esperjenzi oħra. Ta’ kull sena, miljuni ta’ vjaġġaturi jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jaqsmu l-esperjenzi li jkollhom dwar destinazzjonijiet, attrazzjonijiet, lukandi u servizzi diversi fuq is-sit elettroniku Tripadvisor.com.
Il-Premjijiet tal-Għażla tal-Vjaġġaturi jagħtu ġieħ lill-għażliet tal-vjaġġaturi, ibbażati fuq ir-reviews u l-opinjonijiet miġbura minn Tripadvisor matul is-sena. It-‘Travellers’ Choice Award’, li qabel kien iċ-Ċertifikat ta’ Eċċellenza, jirrikonoxxi lil dawk in-negozji, li b’mod konsistenti jkunu kisbu reviews eċċellenti, biex b’hekk isibu posthom fost l-aqwa 10% fil-listi ta’ Tripadvisor madwar id-dinja. Il-kriterji li jintużaw għall-proċess tal-għażla huma stretti ħafna, u r-reviews sottomessi jiġu mgħarbla b’mod rigoruż għall-awtentiċità tagħhom. Minbarra li hemm numru minimu stipulat ta’ kemm għandu jkun hemm reviews tajbin, dawn iridu jkunu konsistentement pożittivi u jridu jinżammu għal tul ta’ ta’ 12-il xahar tal-perjodu taħt reviżjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, is-Sur Silvio Scerri, esprima s-sodisfazzjon li jħossu l-impjegati kollha, b’mod partikolari dawk li jkollhom involviment dirett kuljum fl-immaniġġjar u l-iżvilupp kontinwu tal-Esplora biex jibqgħu jitjiebu u jiżdiedu l-għadd ta’ esibizzjonijiet u attivitajiet għall-viżitaturi kollha. Huwa qal li l-kisba tat-‘Tripadvisor Travellers’ Choice Award 2024’ (li nzerta li ngħata susssegwentament wara li ġie ppremjat l-unur għall-aħjar prattika tal-governanza tal-fondi pubbliċi) “huwa rikonoxximent tas-servizz eċċellenti li jingħata lill-pubbliku, kif espress mill-aqwa ġurija, cioe’ l-viżitaturi nfushom. Dan mhux biss jenfasizza t-tmexxija effettiva ta’ Xjenza Malta u tal-Esplora, imma jispikka wkoll is-sens ta’ dedikazzjoni u impenn muri minn għadd ta’ timijiet li ta’ kuljum jirsistu biex joffru l-aħjar esperjenza possibbli lill-viżitaturi.”
Is-Sur Scerri sostna li dan il-premju huwa prova tal-kontribut li l-Esplora bħala attrazzjoni trodd lil Malta bħala destinazzjoni turistika, lil hinn mis-servizzi li tipprovdi ta’ kuljum lill-viżitaturi żgħar u kbar, lokalment. Scerri kompla jisħaq li dan ir-rikonoxximent jissarraf f’ġid għall-futur ta’ Xjenza Malta li hija l-aġenzija governattiva li għadha kif twaqqfet, u li permess tal-isforzi tagħha timpenja ruħha biex tippromwovi x-xjenza fi ħdan il-popolazzjoni. L-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Nazzjonali, li ġie parzjalment iffinanzjat mill-fondi tal-UE, u li nfetaħ fl-2016, jitqies bħala l-id tal-outreach, li permezz tagħha Xjenza Malta tilħaq lill-pubbliku. Dan iċ-Ċentru jservi wkoll bħala post fejn isiru bosta laqgħat kollaborattivi u kooperattivi, nazzjonali kif ukoll internazzjonali f’setturi relatati max-xjenza.
Meta jżuru ċ-Ċentru, l-viżitaturi tal-Esplora huma mħeġġa li jesploraw, jaħsbu u jimmaġinaw grazzi għall-interazzjoni tagħhom ma’ aktar minn 200 esebit u attività. Jitħeġġu biex irawwmu fihom kultura ta’ kurżità u immaġinazzjoni xjentifika, filwaqt li jqanqlu passjoni għax-xjenza.
Il-Planetarium, li jinsab l-Esplora, li għandu struttura dijametrika ta’ 10.7 metru, u sistema teatrali armata b’teknoloġija mill-aktar avvanzata jitqies bħala l-aqwa attrazzjoni tal-Esplora u fih jiġu proġettati films u live shows dwar l-astronomija, x-xjenza spazjali u fenomeni oħra bħal kif jaħdem il-ġisem, l-istorja tal-ivvjaġġar u ħafn’aktar. L-Esplora li jinsab f’kumpless storiku f’Bighi, il-Kalkara u li qabel kien jintuża bħala l-isptar Militari Navali Brittaniku, għandu veduti spettakolari li jagħtu fuq il-Port il-Kbir u l-fortifikazzjonijiet maestużi tiegħu. Minħabba l-ġmiel li toffri Villa Bighi saħansitra bil-ġonna ta’ madwarha, kisbet popolarità bħala post fejn isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ u avvenimenti oħra ta’ divertiment.