Skopri d-dinja diġitali, ir-robotika u l-coding waqt il-MaltaPi Back-to-School Hackaton li se tittella’ fl-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza bejn is-17 u t-18 ta’ Settembru. Matul dawn il-jumejn, il-viżitaturi se jkunu mistiedna biex jesperimentaw b’microcontrollers, robots u pjattaformi billi jużaw programmi sempliċi u bihom jibnu xi affarijiet. Il-MaltaPi Back-to-School Hackaton hija vetrina għal dawk kollha li jixtiequ jesebixxu u jaqsmu l-passjoni tagħhom għal dak kollu relatat mad-dinja diġitali u robotika.
MaltaPi hija komunità hackaton li hi organizzata fuq il-mudell ta’ RaspberryJam, li hi mmexxija mir-RaspberryPi Foundation fl-Ingilterra. Kulħadd, tkun xi tkun l-età tiegħu u ta’ kull livell ta’ esperjenza, huwa mistieden biex jipparteċipa u jiskopri r-risposti għad-domandi li għandu relatati mad-dinja diġitali. Il-MaltaPi Back-to-School Hackaton huwa walk-in event u se jsir mill-10 ta’ filgħodu sal-5 ta’ waranofsinhar fuq jumejn. Il-parteċipazzjoni hija fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Dan il-hackaton huwa inkluż fil-biljetti tad-dħul ta’ Esplora.
Kemm jekk inti dilettant jew sempliċiment interessat li titgħallem aktar, jew jekk trid tintroduċi lil uliedek fid-dinja tat-teknoloġija, ipparteċipa f’dan l-avveniment u esplora d-dinja fantastika diġitali magħna!