Premju għall-Aqwa Proġett STEAM 2021(Għażla tal-Pubbliku)

Dan il-Premju nħoloq biex jinkoraġġixxi, jonora u jippromovi l-eċċellenza fi proġetti li jġibu flimkien is-suġġetti STEM u l-arti.

Dan il-Premju huwa differenti mill-premji nazzjonali STEM l-oħra – il-kumitat tal-evalwazzjoni għażel tliet proġetti fost il-proġetti eċċellenti li ġew innominati. Dawn it-tliet proġetti issa qegħdin jitressqu għall-vot pubbliku.

Il-kumitat tal-evalwazzjoni xtaq jirringrazzja lil kull min ġie nnominat, għall-parteċipazzjoni tiegħu u għall-kontribut tiegħu għall-promozzjoni tas-suġġetti STEM. Il-parteċipanti kollha ser jissemmew fuq il-website tal-Esplora ladarba l-evalwazzjoni tal-premji kollha tkun waslet fi tmiemha.

Il-proġetti mressqa għall-vot tal-pubbliku huma dawn li ġejjin.


Science in the City (SitC)

Science in the City (SitC) huwa l-festival nazzjonali tax-xjenza u l-arti. SitC jiffoka fuq l-importanza tax-xjenza u r-riċerka fil-ħajja ta’ kuljum u fiċ-ċittadinanza attiva responsabbli, f’dinja li qed tgħaddi minn bidliet monumentali, b’mod speċjali fl-oqsma tal-ambjent u tas-saħħa. Ir-riċerkaturi u l-artisti huma fiċ-ċentru ta’ dan il-Festival, u jimlew il-Belt Valletta bis-sbuħija tax-xjenza li għandha sehem kbir fit-tfassil u t-tibdil tas-soċjetà.

B’riżultat tas-SitC, diversi gruppi minn setturi speċifiċi varji jingħataw pjattaforma biex jiltaqgħu u jinteraġixxu. B’dan il-mod ir-riċerkaturi u l-artisti jikkollaboraw u jaqsmu l-kreattività tagħhom, filwaqt li l-pubbliku jkollu l-okkażjoni li jieħu sehem f’attivitajiet ma’ xjenzjati, riċerkaturi u artisti ta’ kull tip.

Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar Science in the City (SitC) billi tagħfas fuq:

https://scienceinthecity.org.mt/about/

Diversely Typical
Diversely Typical hija prestazzjoni ta’ żfin mill-Moveo Dance Company, li tqajjem kuxjenza dwar id-diversità newroloġika. Iż-żifna hija mmirata lejn it-tfal bejn l-età ta’ 9 u 15-il sena. Il-koreografija tenfasizza l-karatteristiċi ta’ ċerti kundizzjonijiet newroloġiċi u turi kif il-varjazzjoni naturali fil-ġeni umani magħrufa bħala newrodiversità (neurodiversity) tirriżulta f’kundizzjonijiet bħall-awtiżmu, l-Attention Deficit Disorder (ADHD), l-Oppositional Defiance Disorder (ODD), u s-Sensory Processing Disorder (SPD), fost oħrajn.

Iż-żifna tħeġġeġ it-tolleranza u tistieden lill-pubbliku japprezza l-kunċett tan-newrodiversità. B’hekk tisfida ċertu twemmin konvenzjonali li l-persuni newro-atipiċi jeħtieġu ‘kura’.
Iktar tagħrif dwar Moveo jista’ jinstab hawn:

https://www.moveodancecompany.com/about.html

STEAM Summer School
L-iSTEAM Summer School bdiet bħala proġett ERASMUS+ li kellu l-għan li jħarreġ studenti tal-Università, riċerkaturi, professjonisti oħra li jaħdmu fil-kommunikazzjoni tax-xjenza u edukaturi attivi f’dan il-qasam jew fit-teorija u l-kompetenzi tal-involviment pubbliku. L-iSTEAM Summer School tadotta approċċ li jintegra l-arti fil-programm kollu.

Għal dan il-għan, l-aspett intensiv tal-komunikazzjoni xjentifika, li jinsab fil-qalba ta’ dan il-proġett, jinkorpora għadd ta’ oqsma artistiċi: it-teatru tax-xjenza, it-tekniki ta’ improvizzazzjoni teatrali, it-taħdit fil-pubbliku u l-kompetenzi tal-prestazzjoni artistika u l-istand-up comedy. L-istudenti rċevew taħrig fl-iktar teoriji reċenti dwar il-komunikazzjoni tax-xjenza (mill-oqsma tal-ekonomija, il-psikoloġija u l-komunikazzjoni) fl-oqsma STEM kollha. L-ex-studenti wara żviluppaw attivitajiet varji: teatrin tal-marjonetti, logħob interattiv, installazzjonijiet artistiċi jew żfin.

L-approċċ li tieħu l-iSTEAM Summer School huwa wieħed li ma jifridx is-suġġetti ta’ xjenza u teknoloġija mill-arti, imma bil-kontra: jenfasizza l-għaqda tal-modi differenti ta’ tagħlim u tal-kreazzjoni ta’ tagħrif sabiex jasal għal prestazzjoni olistika.

Iktar tagħrif dwar l-iSTEAM Summer School jista’ jinstab hawn:

http://steamsummerschool.eu/

Avvenimenti

Ħinijiet Addattati għas-Sensittivitajiet Sensorjali

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal Impatt Akbar b’firxa usa’.

View more