Proġett dwar l-Isptar Navali ta’ Bighi mil-lenti tal-Komunitajiet

Għandek xi stejjer jew memorji x’tirrakonta dwar l-Isptar Navali ta’ Bighi?

 Proġett artistiku qed jitfa’ dawl fuq l-eks Sptar Navali ta’ Bighi (Royal Naval Hospital – RNH Bighi), fil-Kalkara, u matul ix-xhur t’Ottubru u Novembru qed jistieden lill-membri tal-komunità biex jikkontribwixxu għall-fażi tar-riċerka.

RNH Bighi through Communities’ Stories huwa proġett ta’ riċerka artistika li qed iħares lejn il-funzjoni storika u arkitettonika ta’ dak li kien l-Isptar Navali ta’ Bighi, iżda, barra minn hekk, huwa interessat ukoll li jħares lejn ir-rilevanza soċjali u kulturali tiegħu għall-komunitajiet li esperjenzaw il-post. Ġewwa s-sit tal-eks sptar, li lejn l-aħħar tas-snin sebgħin serva wkoll bħala skola, bħalissa nsibu l-Esplora – iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Malta, fost organizzazzjonijiet oħra. Il-kumpless ta’ Bighi, flimkien maż-żoni ta’ barra, huwa magħruf sew għal mod kif iwassal ix-xjenza permezz ta’ Science Engagement, huwa aktar minn sempliċi kontenitur li jospita sensiela ta’ wirjiet, prestazzjonijiet, workshops, konferenzi, tiġijiet, funzjonijiet pubbliċi u privati. Bighi jipprovdi spazju, u, barra minn hekk, post bi storja rikka u twila mill-ħajja ta’ kuljum, inklużi stejjer personali u memorja kollettiva.

Il-fażi ta’ riċerka li għaddejja bħalissa se twassal għall-pubblikazzjoni ta’ rapport ta’ riċerka, serje ta’ filmati qosra u taħdita pubblika sa nofs l-2023. Dan kollu mbagħad jintuża bħala bażi għal produzzjoni kreattiva fis-snin li ġejjin.

It-tim tar-riċerka – immexxi minn Kristina Borg, artista impenjata fil-qasam soċjali u komunitarju, b’kollaborazzjoni ma’ Esplora, il-konsulent tal-wirt kulturali Christian Mifsud, u l-filmmaker Matthew Calleja minn Videocafe – qed jistieden lill-membri tal-komunità biex jaqsmu l-istorja jew il-memorja tagħhom tal-Isptar Navali ta’ Bighi permezz ta’ laqgħa ta’ siegħa.

It-tim huwa speċifikament interessat li jiltaqa’ ma’ nies li għandhom memorji ta’ Bighi, ibbażati fuq l-esperjenza personali tagħhom jew tal-qraba tagħhom, bħala eks ħaddiema tas-servizz, nisa tas-servizz li attendew klassijiet tal-maternità fis-snin ta’ wara l-gwerra, pazjenti u/jew viżitaturi tal-isptar, u eks studenti li qattgħu s-snin tal-iskola tagħhom f’Bighi matul l-aħħar tas-snin sebgħin u l-bidu tas-snin tmenin.

Il-laqgħat kollha se jsiru matul ix-xhur t’Ottubru u Novembru, fl-Esplora, il-Kalkara. Jekk persuna ma tistax tattendi personalment, qed jiġu offruti mezzi alternattivi, bħal vidjokonferenza jew telefonata.

Il-membri tal-komunità jistgħu jirreġistraw l-interess tagħhom billi jimlew din il-formola onlajn: https://forms.gle/j8vHDLrhEVai19Nc7

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esplora fuq +356 2360 2300 jew ibgħat email lil rnhbighi@gmail.com

Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-APS Bank.

Avvenimenti

Milied Ġewwa L-Esplora

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal Impatt Akbar b’firxa usa’.

View more