Roadshow interattiv ma’ Esplora u COSI

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza se jikkollaboraw ma’ wieħed mill-aktar mużewijiet importanti fl-Amerika, iċ-Ċentru tax-Xjenza u Industrija (COSI) sabiex itellgħu roadshow uniku bil-għan li jippromwovu x-xjenza u t-teknoloġija fost il-komunitajiet Maltin. COSI għandu wieħed mill-akbar programmi edukattivi ta’ attivitajiet fil-komunità fl-Istati Uniti. Dan l-avveniment jirrappreżenta l-ewwel kollaborazzjoni tax-xorta tiegħu bejn MCST, Esplora u din l-organizzazzjoni Amerikana.

Waqt ir-roadshow se jkun hemm attività interattiva li se titlaq mill-Belt u se tkun immirata sabiex jinvolvu aktar lill-komunità fis-suġġetti tax-xjenza u fl-istess waqt se jiġu mqassma vouchers li wieħed ikun jista’ juża biex jikseb il-Learning Lunchboxes ta’ COSI. Dawn il-kaxex jagħmlu parti mill-programmi ta’ attivitajiet fil-komunità ta’ COSI u nħolqu matul il-pandemija tal-COVID bl-għan ewlieni li tfal li m’għandhomx aċċess għat-teknoloġija jingħataw iċ-ċans li xorta jitgħallmu x-xjenza b’mod divertenti permezz ta’ attivitajiet interattivi. Dawn il-kaxex huma mod ta’ kif it-tfal ikunu jistgħu jieħdu x-xjenza magħhom id-dar.

Ir-roadshow se jkun qed iżur diversi rħula Maltin. Is-Sindki u l-Kunsilli Lokali kkoperaw bis-sħiħ biex dan ir-roadshow ikun ta’ suċċess. Waqt l-attività, membru mit-tim – ta’ Esplora se jingħaqad ma’  COSI fejn se jinteraġixxu mat-tfal u studenti ta’ kull età, u jqassmu l-vouchers.

COSI huwa ċentru tax-xjenza magħruf mad-dinja kollha, li jinsab f’Columbus, Ohio. Iċ-ċentru ilu jipprovdi edukazzjoni interattiva u programmi fil-komunità għal aktar minn 50 sena. COSI ġie rikonoxxut għall-eċċellenza fl-edukazzjoni tax-xjenza u ngħata diversi unuri.

Dan ir-roadshow huwa opportunità unika sabiex il-programm edukattiv ta’ attivitajiet fil-komunità tal-Esplora jkompli jikber, u fl-istess waqt tiġi promossa l-edukazzjoni xjentifika lit-tfal Maltin u ċ-ċentru jkompli jgħin biex jispira ġenerazzjoni ġdida ta’ xjenzati u innovaturi.

Dan ir-roadshow se jiġi konkluż bl-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding (MOU) bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u COSI. Permezz ta’ dan l-MOU, l-entità u ċ-ċentru tax-xjenza se jaħdmu flimkien maċ-ċentru Amerikan biex ikunu jistgħu jwasslu aktar programmi edukattivi ta’ attivitajiet fil-komunità u jiskambjaw informazzjoni edukattiva.

Avvenimenti

UoM Electric Car Launch

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more