Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora għal darb’oħra ntgħażel biex jirċievi finanzjament għal proġett interessanti tal-Erasmus+ taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 permezz tal-Modulu fit-taħriġ għall-Individwi.
Il-proġett “Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal impatt akbar b’firxa usa’”, għandu l-għan li jiżviluppa inizjattivi biex jinvolvi dejjem aktar liż-żgħażagħ fil-qasam tax-xjenza. L-Esplora dejjem jistinka sabiex jtejjeb il-kompetenza tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżviluppar u l-evalwazzjoni tal- avvenimenti li jwassal fi ħdan il-komunità. Wieħed mill-għanijiet taċ-Ċentru Interrativ tax-Xjenza hu li jesplora opportunitajiet kollaborattivi fejn jitgħallem minn organizzazzjonijiet ospitanti kif għandu jinvolvu l-istudenti, il-professjonisti fis-suġġetti STEM kif ukoll lil diversi partijiet interessati fi proġetti kollaborattivi. Dawn l-għanijiet mistennija li jinkisbu permezz ta’ tliet opportunitajiet ta’ taħriġ offruti mill-Esplora lil 15-il parteċipant.
L-Ewwel Opportunita’ ta’ Taħriġ
L-ewwel opportunita’ ta’ taħriġ tniehdiet fi Trinity College fl-Irlanda, bejn it-22 u s-26 ta’ April 2024. Din l-opportunità ffukat fuq ir-rabta bejn Il-“Prattika tal-Komunikazzjoni Xjentifika” mar-“Riċerka u t-Teorija”.
Erba’ membri mid-dipartiment edukattiv tal-Esplora attendew workshops imtella’ mill-grupp ta’ riċerka tax-Xjenza u s-Soċjetà fi Trinity College, fejn kellhom l-opportunita’ li jesploraw ir-relazzjoni li teżisti bejn ix-xjenza u s-soċjetà permezz ta’ għadd ta’ oqsma fir-riċerka komplementari bħalma huma x-xjenza taċ-ċittadini, it-tagħlim xjentifiku informali u l-involviment pubbliku fix-xjenza.
It-Tieni Opportunita’ ta’ Taħriġ
It-tieni opportunita’ ta’ taħriġ se ssir f’Settembru 2024 fiċ-Ċentru tax-Xjenza Ars Electronica, f’Linz l-Awstrija. Matul din iż-żjara, ħames membri mit-tim tal-Esplora se jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ netwerking mal-istaff miċ-Ċentru tax-Xjenza.
Iċ-Ċentru Ars Electronica se jospita l-Ars Electronica Festival li se jiffoka fuq l-impatt li t-teknoloġiji emerġenti għandhom fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-istaff tal-Esplora se jkollu l-opportunità li jesperjenza l-effetti trasformattivi tat-tagħlim permezz tal-magni, ir-Realta Virtwali, ir-robotika u il-bioteknoloġija fl-avvanz tas-sostenibbiltà soċjali u ekoloġiku. Dan il-festival se jinkludi wkoll workshops u seminars mtella’ minn artisti, żviluppaturi, riċerkaturi u attivisti, li se jippreżentaw il-proġetti u l-opinjonijiet tagħhom waqt din id-diskussjoni.
It-Tielet Opportunita’ tat-Taħriġ
Is-sena d-dieħla, l-Esplora se jipprovdi taħriġ ta’ shadowing lil ħames membri tal-Esplora f’Ċentru tax-Xjenza ieħor. Aktar informazzjoni dwar din l-opportunità se tkun disponibbli fix-xhur li ġejjin.