The Esplora Christmas Wonderland – Attività speċjali għall-ġranet tal-Milied f’Esplora fil-Kalkara

Din is-sena, għal żmien il-Milied, Esplora, iċ-ċentru nazzjonali interattiv tax-xjenza, se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu  kull filgħaxija għal esperjenza unika għal familja kollha. Il-programm The Esplora Christmas Wonderland ser ikun qed ilaqqa l-ispirtu tal-Milied mad-dinja eċitanti tax-Xjenza u t-Teknoloġija, b’mod uniku li l-Esplora biss taf toħloq.

Il-programm The Esplora Christmas Wonderland  ġie mniedi uffiċjalment mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onorevoli Keith Azzopardi Tanti, waqt attivita’ organizzata l’Esplora, Villa Bighi, il-Kalkara.  L-Onorervoli Azzopardi Tanti ħabbar kif din is-sena, “ … se nkunu qegħdin inwasslu s-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika b’mod differenti, għax l-Esplora għall-ewwel darba, qed toħloq dan il-villaġġ, fejn it-tfal u kbar flimkien se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw ix-Xjenza u jiddevertu fl-istess waqt, fl-ambjent tal-festi tal-Milied.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, is-Sur Silvio Scerri saħaq fuq l-impenn tal-Kunsill u tal-Esplora li jwasslu avvenimenti ta’ kwalità għall-familja kollha, speċjalment fil-ġranet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Esprima wkoll il-fiduċja li ħafna nies se jagħżlu li jaħtfu l-opportunita biex jiġu Esplora għal esperjenza edukattiva u divertenti, addattata għal kull eta, dejjem fl-ispirtu tal-Milied.

Flimkien mad-duo tant popolari Danusan, l-esperjenza se tiġi estiża fuq livell fejn jidħol id-divertiment u l-ispettakklu ta’ daqq, żfin u kant, flimkien max-xjenza. Apposta għal dan il-programm, Esplora preparaw trail li fih 14-il stazzjon differenti. Din il-passeġġjata tibda minn qabel ma wieħed jidħol f’Esplora, għaliex mal-wasla tagħhom, il-viżitaturi jiġu milqugħa minn karattru speċjali, Elfi l-Għaref li, permezz ta’ apparat speċjali, ser jneħħi d-dwejjaq u l-problemi ta’ kulħadd qabel jibdew iż-żjara avventuruża tagħhom.

L-attivitajiet ippjanati ser jinkludu tagħrif u esperjenza dwar kif tifforma ruħha il-borra, x’jagħmel Father Christmas biex iżomm f’saħħtu u biex ma jkomplix jixjieħ iktar milli diġa hu. It-tfal ser ikollhom il-possibilita’ li jitkbu ittra lil Father Christmas, filwaqt li jieħdu sehem f’logħba biex jitħarrġu biex jidħlu u jgħaddu miċ-ċmieni tad-djar. Din il-logħba issir permezz ta’ laser beams apposta. Ser jiskopru wkoll kif jagħmel Father Christmas biex jirnexxielu iqassam ir-rigali kollha f’lejl wieħed.

Dawn il-ġranet jiġi ġġenerat ukoll ħafna skart ta’ kull tip, u t-taghrif u l-edukazzjoni dwar kif jista jkollna ċelebrazzjonijiet iktar sostenibbli ma jonqsux. Iż-żjara tkompli fil-binja majestuża u storika ta’ Villa Bighi, fejn qed jittella Villaġġ tal-Milied tradizzjonali. Bħala rikordju taż-żjara, ser ikunu wkoll qed jinġibdu ritratti ta’ tifkira, li jintbagħtu dirett b’mod elettroniku lill-viżitaturi.

Il-Kap tal-Esplora, is-Sur, Olaf Mc Kay tenna li dan il-programm huwa avveniment speċjali u innovattiv li huwa idejali għall-familja kollha, inkluż tfal u kbar. Huwa spjega kif din is-sena, l-Esplora u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija  qedin jorganizzaw esperiment ġdid ta’ ftuħ filgħaxija f’atmosfera maġika u sensazzjonali ta’ Milied fl-isfond tax-xjenza u r-riċerka, flimkien mal-personalitajiet tant popolari – Danusan.

Il-programm The Esplora Christmas Wonderland  ser ikun miftuħ mill-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru sal-Ħadd 7 ta’ Jannar, kull filgħaxija mis-6:00pm sal-10:30pm, għal ċelebrazzjoni unika għal familja kollha.

Iktar dettalji dwar il-programm jinsabu fis-sit elettroniku – https://esplora.org.mt/christmas-at-esplora-3/

Biljetti jistgħu jinkisbu minn – https://www.showshappening.com/Esplora-Interactive-Science-Centre/Esplora-Christmas-Wonderland

Avvenimenti

Milied Ġewwa L-Esplora

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Tagħlim għal kulħadd: Xprunar tal-għarfien għal Impatt Akbar b’firxa usa’.

View more