Vjaġġ artistiku ta’ kuluri fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora

‘Southern Dreams’, wirja artistika tal-artist Paul Cassar tnediet nhar il-11 ta’ Marzu 2023 fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora fil-Kalkara. Il-wirja ġiet inawgurata miċ-Chairman tal-MCST Dr Portughese.

Esplora kkollabora mal-artist lokali Paul Cassar għax jemmen fl-importanza ta’ STEAM; l-akronimu għal Science, Technology, Engineering, Art, Mathematics; industrija li qed tikber b’rata mgħaġġla li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) tippromwovi u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ kif ukoll lill-adulti.

‘Southern Dreams’ hija wirja astratta ta’ pitturi kollettivi, poeżiji miktuba minn Cassar innifsu li huma ispirati mill-bċejjeċ tal-arti, u skulturi b’rappreżentazzjoni tas-sbuħija tal-kuluri tan-Nofsinhar ta’ Malta.

Dr Portughese rrimarka li f’din il-wirja s-Sur Cassar, “kixef ir-rabta intima li għandu mar-raħal ta’ tfulitu, il-Kalkara, u l-ispirazzjoni min-Nofsinhar ta’ Malta, imsebbħa b’wirt rikk fl-ambjent naturali, il-pajsaġġ, l-arkeoloġija, l-arkitettura u l-avvenimenti storiċi.” Iċ-Chairman tal-MCST kompla d-diskors tiegħu billi qal, “l-Esplora u Bighi, fl-oriġinalità tiegħu, ispiraw rabtiet mat-tfulija, it-trobbija u l-iżvilupp intellettwali tal-artist f’dawn l-ambjenti uniċi.”

Is-Sur Cassar semma li l-interess tiegħu fin-natura jieħu aspett kożmiku, kif ukoll ixerred rappreżentazzjoni tat-tkabbir tal-ħajja. Huwa żied jgħid li “din il-wirja hija waħda intima għalija minħabba l-fatt li l-Kalkara huwa raħal twelidi. L-esebizzjoni tax-xogħol tiegħi fl-Esplora fil-Kalkara hija speċjali peress li qattajt is-snin skolastiċi tiegħi fil-klassijiet tal-bini ta’ Bighi.”

Is-Sur Cassar spjega li uża acrylics u żebgħa taż-żejt fuq it-tila. Il-wirja tintemm fid-9 ta’ April 2023.

Avvenimenti

UoM Electric Car Launch

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more