Esplora, b’kollaborazzjoni mal-awtriċi ta’ Ride the Feeling, Aunty Sab u mat-tim ta’ MyMama, qed jorganizza workshop bl-isem ta’ Ride the Feeling Storytelling Workshop. Fih, tfal ta’ bejn 5 u 8 snin jistgħu jattendu għal sessoni ta’ rakkonti ta’ stejjer, fejn fl-istess waqt il-ġenituri / gwardjani tat-tfal ikunu jistgħu jattendu għal taħdita dwar kif għandek titkellem dwar l-emozzjonijiet mat-tfal.
Dawn il-workshops se jittellgħu f’Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza nhar il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2021 fejn se jkun hemm żewġ sessjonijiet – waħda fis-12.45 u l-oħra fis-13.45.
Matul il-workshop tal-istorytelling, it-tfal se jingħaqdu mal-awtriċi tal-kotba Aunty Sab għal sessjoni ta’ qari, fejn flimkien se jaqraw il-ktieb il-ġdid Ride the Feeling li jitratta l-istorja ta’ supereroj. Matul is-sessjoni ta’ 45 minuta, it-tfal se jkunu wkoll imħeġġa biex jesploraw l-emozzjonijiet ta’ Bow, jitkellmu dwar l-emozzjonijiet tagħhom u jispiraw lil xulxin ħalli flimkien jaqsmu dawk l-affarijiet li jqanqlulhom emozzjonijiet differenti. Dan il-workshop se jinkludi wkoll attività bl-isem ta’ Ride the Feeling.
Waqt li jkun għaddej il-workshop tal-istorytelling, Christina Gauci (Patoloġista tad-Diskors u l-Lingwa) u Chantelle Sciberras (Konsulent u Esperta fit-Trobbija tat-Tfal) mit-tim ta’ MyMama, se jkunu qed iwasslu sessjoni ta’ 45 minuta lill-ġenituri / gwardjani tal-parteċipanti dwar kif jistgħu jitkellmu mat-tfal dwar l-emozzjonijiet tagħhom.
Il-parteċipazzjoni għal dan il-workshop hija bla ħlas mal-biljett tad-dħul tal-Esplora. Irriserva l-post tiegħek f’dan il-workshop billi ċċempel fuq 2360 2299 sa mhux aktar tard mill-Erbgħa, 1 ta’ Settembru 2021.