Il-Port il-Kbir

Il-Port il-Kbir huwa port naturali fuq il-gżira ta’ Malta.

Huwa ilu jintuża bħala port mill-inqas minn żmien il-Feniċi. Il-port naturali ttejjeb ħafna b’baċiri u b’mollijiet estensivi, u hu miżgħud b’fortifikazzjonijiet.

Il-fetħa tal-port tħares lejn il-Grigal u fit-Tramuntana hija delimitata mill-Forti Sant’Iermu u tingħata kenn minn breakwater iżolat u fin-Nofsinhar hija delimitata mill-Forti Rikażli. Ix-xatt tal-Majjistral tagħha hu ffurmat mill-peniżula Scebarras, li fil-parti l-kbira tagħha hi koperta mill-Belt Valletta u mis-subborg tagħha, il-Furjana. Din il-peniżula taqsam ukoll il-Port il-Kbir minn port naturali parallel ieħor, il-Port ta’ Marsamxett. Il-passaġġ fuq l-ilma ewlieni tal-Port il-Kbir ikompli fuq l-art kważi sal-Marsa. Ix-xatt tax-Xlokk tal-port hu ffurmat minn numru ta’ daħliet u promontorji, prinċipalment il-Qala tar-Rinella, il-Qala tal-Kalkara, il-Qala tat-Tarzna, u l-Qala Franċiża, li huma koperti mill-Kalkara u mill-Kottonera: Cospicua, Vittoriosa u Senglea.

Il-Port il-Kbir kien il-bażi għall-Kavallieri ta’ San Ġwann għal 268 sena, u wara t-tluq tagħhom dan sar bażi strateġika għall-forzi Brittaniċi għal 170 sena oħra. Tard fis-seklu 16 dan kien il-post li fih tromba qerrieda qatlet 600 persuna u farrket flotta tal-merkanzija. Iż-żona kienet rat ħafna mill-ġlied fl-Ewwel Assedju ta’ Malta meta t-Torok ippruvaw ikeċċu lill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Iż-żona kollha ġiet ibbumbardjata b’kefrija matul it-Tieni Assedju ta’ Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, hekk kif il-baċiri u l-istallazzjonijiet militari madwar il-port kienu l-miri leġittimi għall-bombi tal-forzi Ġermaniżi u Taljani. Madankollu, il-ħsara kollaterali ġarrfet ħafna mill-Belt u mill-Kottonera, u ħalliet numri kbar ta’ vittmi ċivili.

It-Tarzna ta’ Malta għadha attiva iżda mat-tluq tal-Forzi Militari Brittaniċi l-port tilef ħafna mis-sinifikat militari tiegħu. Parti konsiderevoli tal-merkanzija kummerċjali ta’ Malta llum qiegħda tiġi mmaniġġjata mill-port ħieles il-ġdid f’Kalafrana u, għalhekk, il-port huwa ħafna aktar kwiet minn kemm kien fl-ewwel nofs tas-seklu 20.

Avvenimenti

KurżitàJiem  

View more

Video

Esplora STEAM Video

View more

Progetti

Sustainable Development Goals – Online Workshops

View more